Gazzetti Lokali

10 kurżitajiet dwar il-ġurnal In-Nazzjon

Għada infakkru Anniversarju tad-Deheb għall-ġurnal In-Nazzjon

1. L-isem ta’ In-Nazzjon

Tul is-snin, il-ġurnal dejjem kien magħruf man-nies bħala ‘In-Nazzjon’, għalkemm fil-bidu l-isem proprju kien ‘In-Nazzjon Tagħna’.

Kien hemm żmien meta l-Gvern Laburista kien impona liġi biex ma tintużax il-kelma Malta jew nazzjon, u allura għal xi snin il-ġurnal kien juża l-immaġini tal-gżejjer Maltin minflok il-kelma nazzjon.

Mar-rebħa Nazzjonalista tal-1987, l-isem reġa’ ġie ‘In-Nazzjon Tagħna’, biex imbagħad ftit tas-snin wara beda jintuża ‘In-Nazzjon’ – isem li nżamm sal-lum.

2. Il-logo tal-ġurnal

Forsi ftit jafu li l-logo oriġinali tal-ġurnal kien iddisinjat mill-artist magħruf Emvin Cremona. Il-logo oriġinali kien tassew innovattiv għas-snin Sebgħin, bil-lewn aħmar, iswed u abjad.

3. Kemm kien hemm edituri?

F’50 sena, il-ġurnal In-Nazzjon kellu b’kollox 10 edituri. Dawn jinkludu lil Hector Bruno li għamel żmien bħala Aġent Editur.

4. Meta Eddie Fenech Adami ħa f’idejh ir-responsabbiltà tal-gazzetta

Fis-snin Tmenin kien hemm żmien meta l-Kap tal-PN Eddie Fenech Adami ħa r-responsabbiltà tal-gazzetta f’idejh u assuma r-rwol ta’ editur għal ftit xhur biex ikollu f’idejh ir-responsabbilta’ legali waqt li l-partit kien qed jiżvela diversi każi ta’ korruzzjoni fi żmien Lorry Sant.

5. Żewġ gazzetti f’ġurnata

Kien hemm żmien, waqt il-kampanja elettorali tal-elezzjoni tal-1987, li In-Nazzjon kienet toħroġ darbtejn; filgħodu u filgħaxija.

6. L-ewwel ġurnal li neħħa ċ-ċomb

In-Nazzjon kien l-ewwel ġurnal f’pajjiżna li qaleb minn stampar biċ-ċomb għal stampar b’sistema kompjuterizzata.

7. L-ewwel gazzetta stampata bil-kulur

Fl-istorja tal-ġurnaliżmu stampat, In-Nazzjon kien ukoll l-ewwel ġurnal li stampa l-paġni kollha bil-kulur.

8. Ir-ritratt tal-EgyptAir

Ritratt storiku ta’ In-Nazzjon li tista’ tgħid dar mad-dinja kollha kien ir-ritratt li ħa l-fotografu tagħna Michael Ellul. Dan ir-ritratt kien juri wieħed mill-hijackers – Omar Mohammed Ali Rezaq – meta feġġ għal ftit sekondi ‘l barra mill-bieb tal-ajruplan.

9. Meta l-gazzetta ħarġet bil-paġni vojta

Kien hemm okkażjoni fis-snin Sebgħin meta il-ġurnal ma kienx stampat kollu. Dan għaliex kienu splodew bomba mal-binja tal-istamperija, u għalhekk il-ħaddiema kellhom imorru d-dar minħabba kwistjoni ta’ sigurtà.

U peress li x-xogħol fuq il-gazzetta waqaf ħesrem, parti minnha ġiet stampata b’paġni vojta.

10. L-aktar popolari bil-Malti

Stħarriġ li ġie ppubblikat fl-aħħar jiem jindika li, fost il-qarrejja f’pajjiżna, In-Nazzjon jibqa’ l-aktar ġurnal popolari bil-Malti.

BONUS: L-ewwel ħarġa ta’ In-Nazzjon 50 sena ilu ħarġet fil-ġurnata tal-Erbgħa. U 50 sena wara, dan l-anniversarju ukoll se jitfakkar l-Erbgħa.

Nota Editorjali: Is-sit NetNews.com.mt isellem lill-edituri kollha li tul is-snin ħadmu għas-suċċess ta’ dan il-ġurnal.

Ikkummenta