Internazzjonali

Ċina: Adottata l-liġi tas-sigurtà kontroversjali għal Hong Kong

Iċ-Ċina adottat formalment liġi tas-sigurtà kontroversjali li għandha taċċertaha minn poteri ġodda fuq it-territorju semi-awtonomu ta’ Hong Kong li kien kolonja tar-Renju Unit sal-1997.

L-aħħar pass mir-reġim ta’ Beijing kompla jżid it-tħassib dwar il-futur ta’ Hong Kong li, s’issa, gawda livell ta’ ħelsien akbar minn ta’ territorji u reġjuni oħra taċ-Ċina.

Il-liġi tas-sigurtà taħseb biex tiddikjara bħala atti kriminali kull attività meqjusa li tfixkel l-amministrazzjoni tal-Gvern komunista Ċiniż u, daqstant ieħor, kull forma ta’ kollaborazzjoni (miċ-ċittadini f’Hong Kong) ma’ qawwiet u entitajiet barranin. Intant, il-liġi anki effettivament trażżan il-protesti u l-espressjoni tal- ħsieb u l-opinjoni ħielsa.

Fil-preżent, qed jikber il-moviment favur id-demokrazija f’Hong Kong meta t-territorju għaddej minn tensjoni li qed issir dejjem aktar akuta.

Sadanittant, organizzazzjoni favur id-demokrazija bl-isem Demosisto irreaġiet għall-aħbar dwar il-miżura tas-sigurtà bl-aħbar li, għalissa, qed ixxolji mill-attivitajiet.

Mill-banda l-oħra xi attivisti veterani qalu li xorta waħda se jissieħbu f’marċ kbir li se jsir illum f’Hong Kong għall-interessi tad-demokrazija — u minkejja li issa huma qegħdin jissugraw l-arrest taħt il-liġi ġdida ‘ikkonfermata u siġillata’ minn Beijing.

L-aġenzija tal-aħbarijiet tal-Istat Ċiniż, Xinhua, ikkonfermat li l-President taċ-Ċina, Xi Jinping, iffirma l-liġi tas-sigurtà li saret tifforma parti mil-Liġi Bażika ta’ Hong Kong. Il-Liġi Bażika hi l-Kostituzzjoni, effettiva għal 50 sena, li kien sar qbil dwarha meta s-sovranità fuq it-territorju inkwistjoni kienet għaddiet mill-ġdid liċ-Ċina (mingħand ir-Renju Unit) fl-1997.

Intant, it-termini tal-liġi għas-sigurtà mhumiex għal kollox ċari, b’dan ifisser li r-residenti ta Hong Kong għadhom ma jafux ‘il-miżuri eżatti’ li jridu jobdu u jirrispettaw biex ma jispiċċawx mira għall-qawwiet tal-liġi fit-territorju. Il-liġi, sadanittant, tista’ tibda tkun implimentata bis-sħiħ f’Hong Kong millum stess.

Is-Segretarju għall-Affarijiet Barranin tar-Renju Unit, Dominic Raab, esprima t-tħassib profond tiegħu dwar ir-rapporti li qed jaslulu dwar is-sitwazzjoni ‘li qed tinbidel’ f’Hong Kong’. Dan meta Raab sostna li l-liġi tas-sigurtà ġdida għal Hong Kong għandha titqies bħala ‘pass gravi’ li ma jawgurax tajjeb għall-futur tat-territorju.

Il-liġi ġdida ilha tqanqal id-dimostrazzjonijiet ta’ rabja f’Hong Kong mindu tħabbret, f’Mejju, mir-reġim ta’ Beijing. Mill-banda l-oħra, iċ-Ċina tinsisti li l-liġi hi meħtieġa biex l-awtoritajiet ‘jikkonfrontaw l-inkwiet filwaqt li jindirizzaw in-nuqqas ta’ stabbilità fit-territorju partikulari’ .

Fl-istess ħin, ir-reġim ta’ Beijing qed jiċħad kategorikament il-kritika tal-politika tagħha bħala ‘indħil fl-affarijiet interni taċ-Ċina’.