Internazzjonali

COVID-19: L-Unjoni Ewropea tippermetti t-turiżmu minn erbatax il-‘pajjiż sikur’

L-Unjoni Ewropea semmiet lill-erbatax-il pajjiż li ċ-ċittadini tagħhom huma meqjusa bħala ‘ħielsa mill-periklu’ u li minn għada jistgħu jidħlu fl-artijiet tal-Istati membri. Il-lista ta’ pajjiżi ‘approvati’, f’din il-kriżi tal-Covid-19,  tinkludi lill-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun, il-Marokk u l-Korea t’Isfel.

Intant, ir-restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar, kif elenkati mill-UE, għalissa qed jeskludu lill-persuni li jistgħu jivvaġġaw mill-Istati Uniti, il-Brażil u ċ-Ċina.

L-Istati Uniti u l-Brażil huma l-aktar pajjiżi fid-dinja li għandhom rati qawwija u regolari ta’ infezzjonijiet mill-Covid-19. Dan meta ċ-Ċina tinsab preokkupata dwar il-possibbiltà li tieni mewġa tal-coronavirus kapaċi tfeġġ f’artha minn ħin għall-ieħor.

Intant, l-UE lesta żżid liċ-Ċina mal-lista ta’ ‘safe countries’ f’każ li l-Gvern Ċiniż jippreżenta pjan reċiproku għan-nies biex jivvjaġġaw lejn artha mill-Istati tal-Unjoni.

Fl-istess ħin, tneħħew ħafna kontrolli mal-fruntieri għaċ-ċittadini tal-UE li qegħdin jivvjaġġaw bejn l-Istati-membri tal-Unjoni nnfisha.

Sadanittant, ir-regoli għall-persuni li jkunu qed jivvjaġġaw mir-Renju Unit għadhom parti min-negozjati attwali dwar Brexit li għaddejjin bħalissa bejn il-Gvern Britanniku u Brussell.

Madankollu, iċ-ċittadini tar-Renju Unit għandhom jibqgħu trattati bl-istess mod bħaċ-ċittadini l-oħra tal-UE sal-aħħar tal-perjodu tat-tranżizzjoni ta’ Brexit, fil-31 ta’ Diċembru. Dan skont ma qalu r-rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea u li jfisser li, fil-perjodu attwali, iċ-ċittadini Britanniċi u qrabathom huma eżenti mir-restrizzjonijiet temporanji tal-UE li jirrigwardaw l-ivvjaġġar f’dan iż-żmien delikat.

Il-lista tal-pajjiżi sikuri – li tista’ tgħaddi minn xi tibdil minn ħin għall-ieħor – tinkludi wkoll lill-Alġerija, il-Ġorġja, Montenegro, New Zealand, Rwanda, is-Serbja, it-Tuneżija, it-Tajlandja u l-Urugwaj.

Il-pajjiżi tal-UE fiz-zona ta’ Schengen is-soltu jippermettu li ċ-ċittadini tal-UE jaqsmu mill-fruntieri interni tal-Unjoni mingħajr ħtieġa li jipproduċu passaport – madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali reġgħu imponew ir-restrizzjonijiet f’dan iż-żmien ta’ kriżi dovut għall-coronavirus.

Ir-Renju Unit, intant, qed jinnegozja dwar ‘air bridges’ ( punti għal aċċess mill-ajru li jinkludu l-garanziji ta’ sigurtà relatati mal-pandemija) flimkien ma’ diversi Stati membri tal-UE. Dan qed isir biex il-Covid-19 ‘ma joqtolx’ it-turiżmu tas-sajf meta dan l-istaġun hu l-aktar wieħed kruċjali għall-industrija li timpjega l-miljuni tan-nies.