Internazzjonali

Iċ-Ċina: Lejn virus ġdid bil-potenzjal ta’ pandemija?

Ix-xjenzati identifikaw element ġdid ta’ influwenza fiċ-Ċina li jemmnu li għandu l-potenzjal li jiżviluppa f’pandemija. L-indikazzjonijiet huma li dan l-element, li jinġarr mill-ħnieżer, feġġ ftit taż-żmien ilu u li – jekk ikun ittraskurat – kapaċi ikun trasmess lill-bnedmin ‘mingħajr wisq diffikultà’.

Ir-riċerkaturi, fil-fatt, huma inkwetati li l-element ġdid ta’ influwenza kapaċi jkompli jiżviluppa b’mod li jinfirex faċilment minn bniedem għal ieħor, bir-riżultat ta’ pandemija ġdida fuq livell globali.

Għalkemm il-problema mhix waħda immedjata, ir-riċerkaturi wissew li l-element ġdid ta’ influwenza ‘għandu s-sinjali kollha’ li, fil-ġejjieni, jiżviluppa sal-punt fejn jibda jinfetta lin-nies u, għaldaqstant, jirrikjedi l-moniteraġġ serju u bir-reqqa. Peress li l-element hu wieħed ġdid – l-istess bħal fil-każ tal-Covid-19 – in-nies jistgħu ma jkollhom l-ebda immunità fil-konfront tiegħu.

Ix-xjentisti li kitbu fil-ġurnal Proceedings of the National Academy of Sciences ħeġġew għall-implimentazzjoni, mill-aktar fis, ta’ ‘miżuri għall-kontroll tal-virus fil-ħnieżer kif ukoll għall-moniteraġġ mill-qrib tal-ħaddiema fl-industrija ta’ dawn l-annimali.’

L-esperti fil-qasam tas-saħħa huma dejjem attenti għal xi forma ta’ influwenza ġdida anki f’dan iż-żmien meta d-dinja qed tagħmel li tista’ biex trażżan l-effetti qattiela tal-Covid-19.