Ambjent Lokali

Il-Kap tal-PN Adrian Delia jirringrazzja lil Neil Agius

Deskritt bħala bniedem reżiljenti, li b’għemilu qed iqajjem kuxejnza dwar l-ambjent.

It-Tlieta filgħodu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia laqa’ fid-Dar Ċentrali lill-għawwiem Neil Agius wara li rnexxielu jtemm b’suċċess għawma minn Sqallija sa Malta – sfida ta’ 100km li wettaq fi 28 siegħa.

Tul il-laqgħa, Adrian Delia esprima l-gratitudni tiegħu għall-inizjattiva li ħa Neil Agius sabiex ikompli jqajjem kuxjenza b’risq l-ambjent ta’ madwarna; partikolarment bil-għan li l-pubbliku jkun aktar konxju dwar il-konsegwenzi tar-rimi tal-plastik fil-baħar. 

Agius saħaq li l-isport għandna nieħduh b’serjetà kbira. Serjetà li qed jitkellem fuqha anke il-Partit Nazzjonalista illi fl-aħħar jiem organizza konferenza nazzjonali propju dwar dan is-suggett.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia sostna li r-reżiljenza li wera Neil Agius għandha tkun ta’ eżempju ankè fil-ħajja ta’ kuljum kif ukoll wera l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-kampanja ‘Wave of Change’ proprju kontra r-rimi tal-plastik fil-baħar.

Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Isport u ż-Żgħażagħ Robert Cutajar kif ukoll iċ-Chariman ta’ Tim Sport PN Robbie Ebejer.