Lokali

Il-PN jiġbor total ta’ €546,980

Jinġabru €546,980, b’ €290, 867 jiġabru tul dawn il-jumejn grazzi għall-ġenerożita tal-poplu Malti u Għawdxi li għoġbu jisma’ l-appell tal-Partit Nazzjonalista.

Dan wara li t-Tlieta filgħaxija ġiet fi tmiemha attività ta’ jumejn Maratona fejn il-Partit Nazzjonalista fakkar it-38 sena mill-avvenimenti tal-Imnarja kif ukoll ġie mfakkar il-50 sena anniversarju tal-ġurnal In-Nazzjon.

Waqt din l-edizzjoni speċjali li xxandret b’mod simultanju kemm fuq Net FM kif ukoll fuq Net Television, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia saħaq li l-fatt li l-Gvern Laburista qed jitlob estensjoni tal-eżami tal-Moneyval juri li qiegħed jibża’ mill-eżitu tiegħu li jaf ikollu konsegwenzi xejn feliċi għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Adrian Delia saħaq li l-fatt li fl-isfond ta’ dawn l-iskandli kollha l-Prim Ministru Robert Abela jgħid li ma kellux għarfien dwarhom, li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat ma kellux idea b’dak li kienu qed jagħmlu ta’ taħtu u l-Ministru Edward Scicluna jgħid li l-Gvern huwa vittma… dan huwa daħq f’wiċċ il-poplu.

Filwaqt li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja lil ħaddiema li jaħdmu fi ħdan il-media tal-Partit għal ħidma sfieqa tagħhom, huwa tenna li bil-bidla li twettqet fl-istatut il-bibien tal-Partit Nazzjonalista huma miftuha għal kull min irid ikun parteċipi għal ġid komuni.

Mistiedna tul din ix-xandira kien hemm ħafna mill-eks edituri tal-ġurnal, eks ħaddiema kif ukoll l-impjegati attwali.

Preżenti wkoll kien hemm it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista li rringrazzjaw il-ġenerożità u l-qalb kbira tal-poplu Malti u Għawdxi li jagħtu sostenn kontinwu sabiex tissaħħaħ id-demokrazija f’pajjiżna u l-vuċi tal-ġustizzja.