Sport

Konferenza Dinjija mill-AIPS il-Ħamis li ġej fil-Jum Dinji tal-Ġurnalisti tal-Isport

Fl-okkażjoni tas-96 anniversarju mit-twaqqif tal-Assoċjazzjoni Dinjija tal-ġurnalisti tal-isport u biex ikun imfakkar il-Jum Dinji tal-Ġurnalisti tal-Isport, l-AIPS ser tniedi l-ewwel Konferenza Dinjija b’mod virtwali. It-tema ewlenija ser tkun “il-Covid-19 affettwa l-indipendenza u l-futur tal-ġurnaliżmu tal-isport.”

F’mument daqstant difficli fejn il-programm ta’ sport fl-aħħar xhur inbidel għal kollox, l-għan ta’ din il-konferenza virtwali hu li ssir analiżi tas-sitwazzjoni. Imwaqqfa fit-2 ta’ Lulju tal-1924 qabel il-ftuħ tal-Olimpjadi ta’ Pariġi, mill-ftit ġurnalisti preżenti f’dik l-okkażjoni għal Franz Reichel bħala l-ewwel President.

Minn dik l-ewwel laqgħa li saħansitra saret f’ring tal-boxing għas-sitwazzjoni attwali b’aktar minn 130 pajjiż affiljat. Għal din il-konferenza virtwali ser jiehdu sehem għadd ta’ personalitajiet ta’ fama internazzjonali fil-qasam tal-ġurnaliżmu tal-isport u li jirreflettu dak li minħabba l-Covid-19 seħħ fil-kontinenti.

B’kollox aktar minn 500 parteċipant minn 129 pajjiż ser jieħdu sehem u filwaqt li ser ikunu indirizzati mill-President tal-AIPS Gianni Merlo, fil-ftuħ ser ikun hemm messaġġ mill-President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali Thomas Bach fejn huwa fakkar ir-rabta li teżisti bejn il-Moviment Olimpiku u l-AIPS, bi Pierre de Coubertin innifsu kien membru tal-AIPS fit-twaqqif tagħha 96 sena ilu.