Futbol Sport

Lazio jpoġġu l-pressjoni fuq Juventus b’rebħa diffiċli kontra Torino

(Ritratt: EPA)

Lazio komplew jitfgħu l-pressjoni fuq Juventus meta għelbu lil Torino 2-1 f’konfront li għat-tieni wieħed konsekuttiv kienu minn taħt iżda ħarġu rebbieħa. B’hekk Lazio jinsabu punt taħt Juventus b’logħba aktar. Torino kienu marru minn fuq wara biss ħames minuti meta xutt ta’ Nicolas N’Koulou ħabat ma’ id Ciro Immobile fil-kaxxa, bir-referee Davide Massa jordna penalty li minnu ANDREA BELOTTI għeleb lil Thomas Strakosha.

Lejn nofs l-ewwel taqsima, Lazio bdew iżidu fil-logħob tagħhom, b’Immobile jfalli żewġ okkażjonijiet tad-deheb filwaqt li Francesco Acerbi kellu gowl imħassar. It-tim ta’ Simone Inzaghi ġab id-draw fit-48 minuta b’gowl tal-aqwa skorer tal-kampjonat CIRO IMMOBILE wara passaġġ ta’ Luis Alberto. Il-gowl tar-rebħa wasal fit-72 minuta b’xutt ta’ MARCO PAROLO li kien imxellef u għeleb lil Salvatore Sirigu.