Manchester United komplew is-serje pożittiva ta’ qabel u wara l-Covid-19 meta ġabu fix-xejn lil Brighton f’The American Express Stadium u rebħu 3-0. B’dawn it-tliet punti, it-tim ta’ Solskjaer ilu mhux megħlub għal 15-il logħba fil-kompetizzjonijiet kollha u reġa’ jinsab żewġ punti taħt Chelsea u tlieta taħt Leicester.
Ir-Red Devils kellhom bżonn biss 16-il minuta biex fetħu l-iskor meta ż-żagħżugħ Mason Greenwood ingħata l-ispazju fuq in-naħa leminija, avvanza u b’xutt preċiż fil-baxx u għar-rokna għeleb lil Matthew Ryan. L-iskor sar 2-0 fid-29 minuta bil-Franċiż Paul Pogba li beda mill-bidu, qassam lejn Bruno Fernandes li b’xutt minn barra l-kaxxa li kien imxellef, għeleb lil Ryan. Manchester United neħħew kull dubju li setgħu jitilfu t-tliet punti fil-50 minuta b’kontrattakk li minnu Greenwood tefa’ kross preċiż lejn Fernandes li b’xutt mill-ewwel skorja l-ħames gowl tiegħu fil-kampjonat.
//= $special ?>