Lokali

Possibbilta’ ta’ €7,000 kumpens mill-Ewropa lill-bdiewa u r-raħħala – PN

Ritratt: Martin Agius

Appell biex nużaw il-fondi Ewropej għal wens lil min jitmana

L-Unjoni Ewropea għada kemm approvat fondi ta’ kumpens sa €7,000 lill-bdiewa u r-raħħala bħala kumpens għan-nuqqas ta’ bejgħ minħabba l-COVID-19. Il-Partit Nazzjonalista jappella biex nużaw din l-opportunita’ Ewropea biex insostnu l-prodott Malti. 

Fi stqarrija ffirmata minn Edwin Vassallo, Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Tisħiħ tal-Agrikoltura u s-Sajd, Delizzji, Self Employed u l-Koperattivi;
Carmelo Mifsud Bonnici, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin u Ewropej f’Dinja mingħajr Fruntieri; Kristy Debono, Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Investiment Ekonomiku u Negozji Żgħar u s-Servizzi Finanzjarji u l-Aċċessibbiltà għall-Fondi u Budget Ewropej: u Peter Agius, Kelliem għall-PN, ingħad li mill-bidu tal-pandemija kulħadd segwa kif bdiewa u raħħala Maltin sabu ruħhom f’diffikulta’  minħabba li naqset id-domanda mir-ristoranti u lukandi li kellhom inaqqsu l-attivita’ ħabba l-miżuri tas-saħħa.

Huma saħqu li l-Gvern ma ħabbar l-ebda miżura li tgħin lil dawn is-setturi. Il-Partit Nazzjonalista jappella biex tintuża mill-aktar fis il-possibbilta’ mill-Ewropa li jingħata kumpens dirett għat-telf ta’ bejgħ lil bdiewa u raħħala sa €7,000 għal bdiewa individwali u sa €50,000 għal azjendi agrikoli.

“Il-familji tagħna jiddependu mill-prodott Malti u jekk ifalli l-bidwi u r-raħħal Malti nbatu lkoll għax tonqos l-għażla u jogħlew il-prezzijiet. Huwa fl-interess ta’ kulħadd li ngħinu lil dawn is-setturi jkomplu jipproduċu u jkunu kompetittivi.”

Huma saħqu li dawn il-miżuri adottati fi Brussell issa jippermettu li l-Gvern jagħti kumpens għat-telf tal-bejgħ ħabba l-pandemija.

“Dan huwa kumpens li jista’ joħroġ direttament mill-fondi Ewropej. Huwa importanti li ma nitilfux din l-opportunita’ u għalhekk nappellaw lill-Gvern biex jimplimenta minnufih din il-possibilita’ għall-benefiċċju tal-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin.”