Hekk kif il-pajjiż ħiereġ minn waqfa ekonomika ta’ erba’ xhur kawża tal-pandemija, flok qed jikkonċentra l-isforzi biex noħorġu minn din is-sitwazzjoni, il-Gvern se jkollu jiffaċċja kriżi politika maħluqa minnu stess li ġġib magħha konsegwenzi ekonomiċi.
Fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem għall-Finanzi Mario de Marco, il-PN qal li t-talba biex ikun estiż iż-żmien qabel il-ħruġ tar-rapport Moneyval hi turija li kuntrarju għal dak li qed jgħid il-Gvern, l-istituzzjonijiet mhux qed jaħdmu.
Il-PN tenna li l-Gvern mhux qed ikun trasparenti dwar ir-rapport Moneyval hekk kif qed ikompli jevita li jiddiskuti s-suġġett fuq l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-Parlament.
L-istqarrija ttemm li jekk din l-estensjoni tkun konfermata, Malta se tkun qed titlef sitt xhur prezzjużi fejn setgħet tattira investituri li jridu jibnu mill-ġdid wara l-pandemija. Filwaqt li pajjiżi oħra se jkunu qed jilqgħu dawn l-investituri b’idejhom miftuħa, l-awtoritajiet f’Malta se jkollhom sfida biex jgħelbu l-effetti l-ħżiena li ġab fuqna l-Gvern bl-aġir maħmuġ, korruzzjoni u rabtiet ma’ kriminalita’ finanzjarja sa minn meta ħa l-poter fl-2013.
//= $special ?>