Lokali Qorti

Sentenza sospiża għall-eks xufier ta’ Manwel Mallia li spara żewġ tiri għax raġel laqatlu l-mera tal-karozza

Il-Kuntistabbli Paul Sheehan, l-eks xufier tal-eks Ministru Manuel Mallia, ġie kundannat 22 xahar ħabs sospiżi għal tliet snin wara li nstab ħati ta’ attentat ta’ ferita gravi fuq il-persuna tal-Iskoċċiż Steve Smith meta tah żewġ tiri mmedjati talli laqatlu l-mera.

Sheehan ta’ 46 sena u residenti l-Gżira, nstab ħati wkoll mill-Maġistrat Rachel Montebello li f’Novembru ta’ sitt snin ilu kien fil-pusses ta’ arma tan-nar waqt ir-reat, għamel ħsarat fil-karozza ta’ Smith, abbuża mill-poter u li kien ħati ta’ reat li bħala membru fil-Korp kellu jara li ma jseħħx.

Il-Qorti qalet li l-aġir ta’ Sheehan kien manifestazzjoni eċċessiva ta’ forza u li din kompliet teskala anke wara l-isparaturi, fejn l-ufficjali tar-Rapid Intervention Unit sabu lill-imputat taħt il-mina “b’saqajh fuq dahar l-allegat aggressur li kien wiċċu mal-art” u li Sheehan instema’ jgħid fit-telefonata li ghamel huwa stess lill-Control Room: “tiċċaqlaqx għax naħlih fuqek”.

Fil-bidu Sheehan kien akkużat b’attentat ta’ qtil, akkuża li kien  waqqgħha l-Avukat Ġenerali. Il-Maġistrat Montebello qalet li ma hemm l-ebda prova kif qal l-akkużat li huwa spara u aġixxa kif aġixxa biex jiddeffendi lilu nniffsu.  

Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li tqis illi l-fatt illi persuna huwa uffiċjal tal-forzi tal-ordni jew awtorizzat iġorr arma tan-nar fuq il-persuna tiegħu, ma jintitolahx li juża dik l-arma fejn mhux meħtieg. Huwa nstab ħati wkoll li kkawża biża’ fl-użu ta’ vjolenza.

Ingħad ukoll li ma jirriżultax li Sheehan kien xogħol fil-ħin li ġara l-każ għaliex mill-provi jirriżulta li huwa kien qiegħed għand ommu, u kuntrarjament għal dak li huwa qal waqt it-telefonata fuq il-linja 112, ma jirriżultax lanqas illi li l-Ministru kien miegħu dak il-ħin.

Ghalhekk il-Qorti qalet li l-imputat lanqas kien awtorizzat iġorr l-arma fuq il-persuna tiegħu dak il-ħin, aħseb u ara jispara l-arma fin-nuqqas ta’ ċirkostanzi li jindikaw li dan l-użu ta’ forza kienet meħtiega u inevitabbli.

Kien għalhekk stabbilit, li deliberatament spara lejn il-karozza ta’ Smith bil-ħsieb li jikkaġunalu ġriehi ta’ natura gravi u effettivament ikkaġuna ħsara volontarja fuq il-karozza tiegħu

Paul Sheehan kien spiċċa arrestat ġimgħa wara li seħħ il-każ tal-isparatura fil-Gżira, fid-19 ta’ Novembru 2014 għall-ħabta tad-8.45pm.. Huwa kien spara tiri lejn il-karozza ta’ Smith wara li dan laqat il-mera tal-karozza ta’ Mallia, li Sheehan kien qed isuq. Dakinhar tal-isparatura kemm Sheehan kif ukoll Smith ittieħdu l-Għassa tal-Pulizija tal-Imsida għall-interrogazzjoni.

Dak inhar li seħħ il-każ kien sar minn kollox biex l-evidenza tkun mittiefsa fejn minkejja l-ordni tas-Supretendent Alexandra Mamo, llum Assistent Kummissarju, biex il-karozza tal-ex Ministru Manwel Mallia ma tintmessx sabiex issir inkjesta, din kienet intmesset xorta waħda peress li din kienet bla numru u dan meta kien hemm żewġ xhieda li ftit tal-ħin qabel kienu rawha bin-numru GM 14. L-arma li ntużat fl-isparatura kienet ukoll tpoġġiet fil-but ta’ wara.

Il-karozza ta’ Stephen Smith, li dwarha wkoll kienu ngħataw struzzjonijiet biex ma tintmessx, kienet spiċċat fuq il-low loader.  Alexandra Mamo kienet qalet dan fil-Qorti, li kienet ħaditha bi kbira li l-karozza kienet iċċaqqalqet minn postha.  

Sostniet li fid-19 ta’ Novembru għall-ħabta tad-9.00pm kienet irċeviet telefona mill-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit li qalilha li kien għadu kemm seħħ inċident fejn kien involut ix-xufier ta’ Manwel Mallia. Zammit qalilha li dan l-inċident kien wieħed ta’ hit and run u li x-xufier kien spara żewġ tiri.

Mamo qalet li marret fuq il-post u li kienet infurmata li tal-RIU kienu arrestaw persuna li kienu se jieħdu l-għassa tal-Imsida. Qalet ukoll li hi ordnat biex ma jintmess xejn fuq il-post biex issir inkjesta Maġisterjali.

Hija qalet ukoll li anke l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija kien taha ordni biex ma jiċċaqlaq xejn. Madankollu  meta hi marret fuq il-post tal-inċident sabet il-karozza bi pjanċi barranin li kienet diġa’ mgħobbija fuq low loader. Kien hemm ukoll il-karozza ta’ Manwel Mallia li kienet mingħajr pjanċi.

Hija kienet qalet ukoll li hi ma tafx min kien li neħħa l-pjanċi u kkonfermat li l-ordnijiet tagħha ma ġewx obduti. Sheehan ġie ordnat iħallas €7,500 fi spejjeż tal-Qorti. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Assistent Kummissarju Alexandra Farrugia Mamo u l-Ispetturi Saviour Baldacchino u Jesmond Micallef.