Lokali

Silvio Schembri ma jweġibx jekk l-allegazzjonijiet riċenti dwar Yorgen Fenech kinux diskussi fil-Kabinett

Dan fid-dawl ta' allegazzjoni serjissima

Diġa’ għaddew jumejn minn mindu feġġew l-akkużi li wieħed mill-Ministri ta’ Robert Abela kellu storja ma’ wieħed mill-persuni akkużati bl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Agħar minn hekk, qed ikun allegat li Segretarju Parlamentari kellha jew kellu relazzjoni intima mas-sid ta’ 17 Black Yorgen Fenech. Fost dawk li qed jagħmlu dawn l-allegazzjonijiet serji immens hemm it-tifel ta’ Daphne Caruana Galizia, Paul Caruana Galizia, li fuq Twitter qal ukoll li Ministru baqa’ f’kuntatt ma’ Fenech ankè wara l-assassinju.

U wara li ghaddew aktar minn 48 siegħa, skiet totali mill-Gvern.

Kien għalhekk li Net News staqsa lill-Ministru Silvio Schembri jekk dawn l-allegazzjonijiet serjissimi ġewx diskussi fil-laqgħa tat-Tlieta tal-Kabinett. Madanakollu filwaqt li Net News imkien ma semmejna xejn dwar l-allegati “relazzjonijiet sesswali”, il-Ministru stess semmihom u ċaħad li qatt kellu relazzjoni sesswali man-negozjant Yorgen Fenech.

Membru ieħor tal-Kabinett ta’ Robert Abela li bħal Silvio Schembri dehret skomda għad-domandi tagħna, kienet il-Ministru Julia Farrugia.

Għal domanda oħra li saret mill-ġurnalisti, il-Ministru qalet li fl-aħħar snin, is-sodda tagħha qasmitha biss mar-raġel tagħha. Dawn l-allegazzjonijiet fil-konfront tal-Gvern ħarġu fl-istess jum li fih Robert Abela stqarr illi ma jafx min hu s-sid tal-kumpanija sigrieta Macbridge.