Internazzjonali

Stati Uniti: Tħassib u tensjoni wara qtil u feriment f’Seattle

Il-Pulizija Amerikana kienu qed jinvestigaw sparatura fil-belt ta’ Seattle li ssarrfet fil-mewt ta’ adolexxenti, b’adolexxenti ieħor jispiċċa ferut kritikament.

L-inċident seħħ fiz-zona magħrufa bħala Captill Hill Occupied Protest (CHOP) li  qed tkun dikjarata bħala zona awtonoma ta’ Seattle wara l-qtil, ġimgħat ilu, tar-raġel iswed, George Floyd, taħt idejn il-pulizija f’Minneapolis ( Minnesota)

Intant, l-isparatura ġenerat aktar tħassib u tensjoni f’Seattle u l-madwar, meta z-zona awtonoma inkwistjoni – li tiffunzjona taħt amministrazzjoni lokalizzata — titqies bħala parti mill-protesta ġenerali kontra l-brutalità tal-pulizija.

L-aħħar rapporti qalu li l-vittmi tal-isparatura kienu żgħażugħ ta’ 16-il sena li miet mill-ġrieħi li ġarrab wara li ttieħed l-isptar, bil-vittma l-ieħor, li għandu 14-il sena, jinżamm taħt kura intensiva.Għalkemm is-sit tal-inċident, inizjalment, kien okkupat minn mijiet ta’ dimostranti paċifiċi, din kienet ir-raba’ sparatura fi ħdan iz-zona ta’ Capitol Hill Occupied Protest għal dawn l-aħħar għaxart ijiem.

Fil-bidu tax-xahar, iz-zona madwar East Precinct, f’Seattle, kienet inbidlet f’art ta’ battalja bejn dimostranti u pulizija, bir-riżultat li l-Gvernatur tal-Istat ta’ Washington, Jay Inslee, kellu jibgħat il-qawwiet tan-National Guard biex jirristawraw l-ordni — bis-Sindku ta’ Seattle, Jenny Anne Durkan, tispiċċa timponi curfew f’dik il-belt.

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, kien hedded li ‘jieħu lura b’forza l-belt ta’ Seattle’, iżda Inslee u Durkan, it-tnejn Demokratiċi, irreżistew għal ‘kull azzjoni ta’ dan it-tip’ huma u jieħdu ħsieb is-sitwazzjoni diffiċli.