Futbol Sport

Taqlib fit-tim ta’ Valencia … jitkeċċa l-kowċ u jirriżenja d-Direttur Sportiv

(Ritratt: EPA)

Valencia keċċew lill-kowċ Albert Celades wara biss disa’ xhur fit-tmexxija filwaqt li d-Direttur Sportiv Cesar Sanchez irriżenja. Voro Gonzalez se jmexxi lit-tim sal-aħħar tal-istaġun, f’dik li se tkun is-sitt esperjenza tiegħu bħala kowċ temporanju tal-klabb.

Dawn l-aħbarijiet ikomplu jikkonfermaw l-instabbiltà fil-klabb ta’ Valencia hekk kif Celades sar is-sitt kowċ li tkeċċa minn meta l-biljunarju minn Singapore Peter Lim xtara l-klabb fl-2014. L-istess diskors hu marbut mal-kariga ta’ Direttur Sportiv, b’Sanchez kien inħatar fil-kariga f’Jannar li għadda.

Skont rapporti fil-media Spanjola, Sanchez irriżenja ftit wara t-tkeċċija ta’ Celades, hekk kif ftit qabel kien qal lill-iskwadra li l-kowċ kien se jkun għadu fit-tmexxija għall-konfront ta’ għada kontra Athletic Bilbao. Valencia jinsabu fit-tmien post fil-kampjonat La Liga wara li tilfu tlieta mill-aħħar erba’ logħbiet.