Lokali Qorti

Tinżamm arrestata fuq akkużi ta’ aktar minn tliet kilogrammi droga b’rabta ma’ arrest ta’ aħwa f’April li għadda

Żagħżugħa ta’ 23 sena minn Ħaż-Żabbar inżammet taħt arrest preventiv wara li ġiet akkużata quddiem il-Maġistrat Marsanne Farrugia li kellha fil-pusses tagħha d-droga kannabis u kokaina f’ċirkostanzi li juru li din ma kinitx għal użu esklissiv tagħha.

Dan wara li fil-Qorti din tressqet b’rabta mas-sejba ta’ aktar minn kilo ħaxixa tal-kannabis, maż-żewġ kili droga sintentika u ammont ta’ droga kokaina fil-25 ta’ April li għadda.

Jessica Medina, tiġi s-sieħba ta’ raġel li kien tressaq il-Qorti b’rabta mal-istess każ, li kien seħħ xahrejn ilu. Fis-27 ta’ April li għadda kienu tressqu żewġt aħwa minn Bormla, ġuvni u tfajla kienu ġew mixlija bi traffikar ta’ droga. Dawn ġew mixlija li kellhom fil-pusses tagħhom żewġ kilos ta’ droga sintetika, kilo kannabis u 30 gramma kokaina.

Joseph Brignone ta’ 31 sena oħtu Annalise Brignone ta’ 34 sena minn Bormla kienu nżammu taħt arrest preventiv. Għadd ta’ persuni kienu ġew mitkellma mill-Pulizija, fosthom is-sieħba ta’ Joseph Brignone, bil-għan li jinstab tarf  ta’ attività llegali fil-Kottonera.

Wara li kienu tressqu l-aħwa Brignone, persuni oħra kienu qegħdin jgħinu lill-Pulizija, u dan wassal biex ikunu magħrufa aktar persuni li setgħu kienu nvoluti fit-traffikar ta’ droga.

Jessica Medina, li għaliha deheret l-Avukat Marion Camilleri ġiet mixlija wkoll li kkommettiet dawn  ir-reati f’distanza ta’ 100 metru mill-parametru ta’ skola jew post fejn normalment jiltaqgħu ż-żgħażagħ. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Mark Anthony Mercieca.

Is-sieħeb tagħha Joseph Brignone kien ġie arrestat xahrejn ilu meta l-Pulizija kienu bdew isegwu karozza tal-għamla Mitsubishi Shogun għaliex kienet infurmata li s-sewwieq x’aktarx huwa armat b’arma tan-nar.

Il-karozza kienet twaqqfet fi Triq il-Kottonera, f’Bormla. Allegatament is-sewwieq kien ipprova jaħrab bil-konsegwenza li ħabat f’żewġ vetturi tal-Pulizija. Kien hawn li l-Pulizija tal-RIU ħarġu lir-raġel u mmanettjawh.

Fil-vettura nstabu wkoll arma tan-nar u machete, kif ukoll mas-sitt elef ewro flus kontanti u sustanzi allegatament kokaina u sintetika. Fl-istess waqt li sar l-arrest, il-Pulizija ċċirkondaw żewġ residenzi f’Bormla, garaxx fil-Fgura u garaxx ieħor f’Wied il-Għajn.

Minn dawn il-postijiet il-Pulizija elevat ammont konsiderevoli ta’ pakketti bid-droga Kannabis, lesta għat-traffikar, oġġetti relatati mat-traffikar tad-droga, kif ukoll ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti.

Kienu ġew elevati wkoll diversi armi tan-nar u kkonfiskati ukoll għadd ta’ karozzi fosthom żewġ BMWs tal-persuna arrestata. Instabu tmien armi , bl-Ispettur qal li ġieli nstemgħu tiri fl-inħawi fejn nstabu d-drogi bil-għan li jbeżżgħu lin-nies.

Saret talba mid-difiża biex Jessica Medina tingħata l-libertà proviżorja, liema talba sabet oppożizzjoni qawwija mill-Prosekuzzjoni minħabba n-natura tar-reat u l-fatt li l-investigazzjonijiet dwar ċirku tad-droga għadu għaddej. Il-Maġistrat ċaħdet it-talba bl-akkużata tinżamm arrestata.