Lokali Qorti

Tliet uffiċjali għolja tal-Pulizija akkużati bi frodi tħallsu €47,000 f’overtime, li ħallsuhom lura

Supretendent u żewġ Spetturi fit-taqsima tal-Pulizija mis-Sezzjoni tat-Traffiku u li ħadu bejnithom aktar minn €47,000 f’overtime meta allegatament ma kienux imorru għax-xogħol ħallsuhom lura.

Is-Supretendent Walter Spiteri kien tħallas is-somma ta’ €17,077, l-Ispettur Pierguido Saliba ħa f’overtime €17,203 filwaqt li l-Ispettur Nikolai Sant kien tħallas  is-somma ta’ €12,737.

Il-Qorti tal-Maġistrati wara li semgħet diversi xhieda minn naħa tal-Prosekuzzjoni fil-konfront tat-tliet uffiċjali għolja u Pulizina oħra ddikjarat li hemm provi biżżejjed biex dawn jitpoġġew taħt att ta’akkuża. Il-Qorti semgħet ukoll il-provi fil-konfront ta’ żewġ Surġenti tal-Pulizija li wkoll wieġbu li mhumiex ħatja tal-akkuża miġjuba kontrihm.

Dawn kienu Clayton Frendo u Angelo Briffa. Tliet membri oħra tal-Korp tal-Pulizija, li jridu jidhru quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli se jkollhom is-smigħ tagħhom f’data oħra. Frendo li kien assistit mill-Avukat Ishmael Psaila u Briffa li għalih deher Dean Hili wkoll tpoġġew taħt att ta’ akkuża.

Il-każijiet ma nstemgħux f’daqqa, iżda wieħed wieħed u se jkomplu jinstemgħu fit-22 ta’ Settembru li. It-tliet uffiċjali għolja tal-Pulizija li għalihom qegħdin jidhru l-Avukati Giannella Demarco u Stephen Tonna Lowell ikkonfermaw fl-awla li dawn ħallsu l-ammonti kollha dovuta lill-Korp tal-Pulizija. Minbarra l-Avukati Caruana Curran u Tonna Lowell, Spiteri kien assistit ukoll mill-Avukat Michael Sciriha.

Mill-investigazzjoni li għamlet il-Pulizija ħareġ li huma ma kellhom x’jaqsmu xejn ma serq ta’ fuel. Huma qegħdin jiġu akkużati bi frodi u li bħala uffiċjali tal-Pulizija messhom raw li dawn l-affarijiet ma jsirux.

Fid-difiża tagħhom t-tliet uffiċjali qegħdin jikkontendu li s-Surġent Norman Xuereb ukoll mis-sezzjoni tat-traffiku u li huwa responsabbli bħala liason officer ta’ dan id-dipartiment kien qalilhom li huma għandhom ikunu ‘on call’ u mhux bilfors li jmorru fuq il-post tax-xogħol.

Meta kien mitkellem mill-investigaturi, Frederick Azzopardi, l-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta li tħallas hi lill-Korp tal-Pulzija biex ikollha servizz waqt il-kostruzzjoni tal-flyover tal-Marsa, huwa qal li l-ftehim ma kienx li jkunu ‘on call’ imma li jkunu fil-post.

Azzopardi kien ukoll informa wkoll lill-Pulizija li kull darba li għamel kuntatt mal-uffiċjali dejjem sabuhom u ntbagħtu n-nies meta kien ikun hemm bżonn.

Is-Supretendent Spiteri u l-Ispetturi Sant u Saliba qegħdin iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom u l-Prosekuzzjoni qalet li lkoll ikkoperaw bis-sħiħ mal-Pulizija.

Dan kollu ħareġ fil-kumpilazzjoni quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli li bdiet tisma’ l-ewwel lott ta’ akkużati, minn 32 membru tal-Korp tal-Pulzija tat-Traffic.

Il-ġimgħa d-dieħla se jinstemgħu aktar każijiet oħra quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia u quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello filwaqt li t-tmienja l-oħra li ġew assenjati għal quddiem il-Maġistrat Marsanee Farrugia mistennija jibdew fil-bidu tas-sena d-dieħla.

Mill-privi ħareġ li l-Korp tal-Pulizija kellu ftehim ma’ Transport Malta u Infrastrucure Malta li din tħallas lill-Pulizija assenjati mal-proġett ta’ kostruzzjoni. 

Ħareġ ukoll kif fuq ‘Whatsapp’ il-Pulizija kienu jiftehmu kif se jikkaverjaw lil xulxin fil-ħinijiet li huma jagħmlu s-sahra u li Surġent Alexandra Sillato, waħda mill-akkużati li ma kinitx isuq mutur kienet ukoll titħallas tal-overtime.

Is-Supretendent Jesmond Borg, wieħed mill-uffiċjali Prosekuturi tkellem fuq l-ittra anonima li rċieva l-Korp tal-Pulizija fuq għadd ta’ irregolaritajiet li kienu qegħdin isiru minn naħa tal-Pulizija tat-Traffic.

Allegatament il-maġġoranza ta’ sahra kellha x’taqsam dwar it-toroq tal-Marsa u dan kien isir b’dan il-mod. Mit-Tnejn tal-Ħadd minn naħa tal-Kuntistabbli, Surġenti u Maġġuri u mit-Tnejn sal-Ġimgħa l-overtime kien jingħata lis-Supretendent u ż-żewġ Spetturi.

Mill-investigazzjonijiet ħareġ li kien hemm 27 apparat tad-data track fuq il-muturi li minnhom kienu jaħdmu seba’ biss. Kien ukoll stabbilit li l-Pulizija kellhom ikunu xogħol mar-roundabout ta’ Xintill f’Ħal-Tarxien sa Ħal-Luqa, bl-aktar li jikkaverjaw il-Marsa.

Mid-Data Track ħareġ li l-Pulizija ma kienux qegħdin ikunu fil-post fil-ħin li kien qed jintalaba l-overtime. Daħlu wkoll fl-investigazzjoni analisti mid-Dipartiment tar-Reati Ekonomoċi tal-Pulizija.

Irriżulta li l-extra duty ma kienitx qed issir mill-Pulizija ndikati, imma minn Pulizija oħra, u dan waqt il-ħin normali tax-xogħol tagħhom. Ħareġ li  Frar kienet infurmata Rachel Montabello, u ħareġ mandat ta’ arrest fil-11 ta’ Frar u ġie mitkellem mill-uffiċjal investigat lilu. Kopja ta’ chat fuq What’s Up, tgħid li kien hemm diversi Pulizija fih.

F’dawn ic-chats kienu jiftehmu kif kienet se tinħadem l-extra. Erba’  chats minnhom, kienu saru f’Settembru li għadda, u li kienet tgħid li għandhom jaħdmu bejn is- 6.00 am. u s-2.30pm biex jaħdmu l-ħin ta’ filgħodu u chat ieħor ilaħħqu l-ħin tax-xift l-ieħor. Group chat kien jgħid li wieħed għandu jagħmel ix-xogħol tal-ieħor.

Ħareġ ukoll li s-Suprerendent Walter Spiteri ma kienx parti mill-group chat. Sadanittant ħareġ ukoll li ġew investigati mill-Assistent Kummissarju Kenneth Haber 38 Pulizija  u li dan ma kienx limitat għal xogħol ta’ Infrastructure Malta u Transport Malta.

L-Ispettur Bernard Bunce li jaħdem fl-internal affairs tal-Pulizija ħa ħsieb ix-xogħol tad-data tracks fl-investigazzjoni. Saru wkoll verifiki minnu fuq lokaliżazzjoni ta’ mobiles u ħareġ li f’ħafna mill-ħin li fihom kien irreġistrat l-overtime il-Pulizija ma kienux fuq il-post.

Is-Supretendent Jesmond Borg qal ukoll li lill-whistleblower fil-każ huwa qatt ma kellmu, u li fl-investigazzjoni huwa daħal biss fiha tliet ijiem qabel ġew arrestati l-Pulizija. Tenna wkoll li hu ma jafx jekk dak li ċempel b’mod anonimu ngħatax l-istatus ta’ whistle blower u li lanqas ma jaf min hu.

Huwa kkonferma li Nikolai Sant kien ilu fis-sezzjoni tat-Traffiku xi sena u erba’ xhur u li dan il-ftehim ma’ Infrastructure u Transport Malta kien diġa sar u x-xogħol kien beda fuq il-bypass ta’ San Ġiljan u wara kompla fil-Marsa.  

Fil-bidu xehed ukoll l-Assistent Kummissarju Ian Abdilla li ndaga fuq is-Supretendent Walter Spiteri qal li fi Frar li għadda, ġew arrestati ‘l fuq minn 40 uffiċjali tal-pulizija.

Abdilla spjega kif fost l-allegazzjonijiet kien hemm serq ta’ petrol mill-muturi u tixħim ieħor li kienu qed jieħdu l-Pulizija tat-Traffiku iżda li Spiteri ma kienx qed jiġi investigat b’rabta ma’ dawn l-akkużi.

Xehed li bejn Settembru 2018 u Novembru 2019, l-akkużat Spiteri kien tħallas bejn Transport Malta u Infrastracture Malta is-somma ta’ €17,077.36ċ f’extra għal xogħol relatat mal-bini tal-proġett tal-Marsa Junction.

Qal li mill-call profile nstab li dan kien ikun id-dar tiegħu jew f’post ieħor li mhux relatat mal-imsemmi proġett. Waqt l-investigazzjoni Spiteri kien qal lill-Pulizija li l-extra duty kienu jikkonsistu fi tmien sigħat fil-ġimgħa li skont hu kien jaqsamhom ftit sigħat fil-ġimgħa.

It-tour of duty tiegħu kienu mit-8.30 a.m. sal-5.00 p.m. u kien jaħdem bis-sistema tal-“4 days in 2 days out.” L-allegat abbuż mis-sahra kien spiċċa wkoll fuq il-media internazzjonali, fosthom fuq Reuters u The New York Times fejn issemma wkoll l-allegat użu ta’ fjuwil għall-vetturi privati tal-uffiċjali tal-Korp.

Minbarra stejjer ta’ eluf ta’ ewro fi ħlasijiet minn taħt, fi Frar kienu inkixfu wkoll stejjer ta’ theddid fuq uffiċjali oħra tal-Pulizija, relazzjonijiet intimi bejn Pulizija f’forma ta’ tpattija, serq ta’ fuel, xibka ta’ hbiberiji, ċitazzjonijiet maħfura b’mod abbużiv u ħafna aktar.

Huma l-Pulizija mill-Iskwadra tar-Reati Ekonomiċi u mill-Uffiċċju tal-Affarijiet Interni li mexxew l-investigazzjonijiet tagħhom b’rabta mal-allegat abbuż mis-sahra mill-uffiċjali tal-Pulizija fis-sezzjoni tat-traffiku.

Mill-investigazzjoni rriżulta li l-allegati abbużi saru l-aktar fl-2019, iżda hemm oħrajn li jmorru wkoll aktar lura, saħansitra sa erba’ snin.