Lokali

X’ried jikxef Yorgen Fenech dwar Hong Kong?

Il-Ħadd il-gazzetta MaltaToday żvelat li l-imprenditur Yorgen Fenech xhur ilu ried jgħaddu informazzjoni lill-Pulizija dwar korruzzjoni fid-deal tal-Electrogas, fil-proġett tal-windfarms fil-Montenegro, u anke dwar transazzjoni finanzjarja magħmula f’Hong Kong – tranżazzjoni li ftit li xejn għadna smajna dwarha.

L-unika rabta (li nafu biha) li teżisti bejn Yorgen Fenech u Hong Kong, hija l-entita’ bl-isem Envision Energy Internetional Ltd. li hi bbażata propju f’Hong Kong.

Skont informazzjoni ppubblikata kemm minn The Shift News kif ukoll mit-Times of Malta, Envision għandha sehem fil-proġett kontroversjali tat-turbini tar-riħ fil-Montenegro – proġett li għalih l-Enemalta ħallset xejn anqas minn €10.3 miljun, bil-profitti imorru għand 17 Black ta’ Yorgen Fenech.

Il-konsorzju li xtara dan il-windfarm hu magħmul mill-kumpanija Ċiniża Shanghai Electric, mill-kumpanija Vestigo ibbażata fil-gżira ta’ Guernsey, minn Envision ta’ Hong Kong u mill-Enemalta.

Sa issa għadu mhux ċar x’ried jikxef Yorgen Fenech dwar allegati tranżazzjonijiet li għaddew lejn Hong Kong, inkluż jekk dan jirreferix direttament għall-kumpanija Envision.

Il-gazzetta Maltatoday żvelat li Fenech kien tarraf l-intenzjoni tiegħu li jikxef kollox f’Novembru li għadda, jekk jingħata maħfra Presidenzjali.

Id-deċiżjoni dwar il-proklama lil Yorgen Fenech kienet diskussa waqt il-famuża laqgħa tal-kabinett li damet diversi sigħat u li ntemmet tard bil-lejl – laqgha deskritta bhala wahda imqanqla ferm.