Stewart Said
Il-50 anniversarju ta’ In-Nazzjon ifisser ukoll 50 sena ta’ Sport f’din il-gazzetta li dejjem kellha post riservat għad-dilettanti tal-isport. Ħafna mill-qarrejja matul iż-żmien forsi ma kinitx tinteressahom l-aktar il-politika iżda kienu jibdew jaqraw il-gazzetta billi jduru għall-paġni ta’ wara li tradizzjonalment ikunu riservati għall-isport.
Fl-ewwel snin ta’ In-Nazzjon, l-isport dak iż-żmien taħt it-tmexxija ta’ Benny Pace, kellu żewġ paġni. Mill-1970 beda vjaġġ ta’ ġurnal bil-Malti li żamm lid-dilettanti aġġornati. Speċjalment fl-ewwel snin minħabba n-nuqqas ta’ teknoloġija, l-attenzjoni kienet tingħata aktar lix-xena lokali. Iżda mal-medda ta’ snin meta l-gazzetta żiedet fil-popolarità u għalhekk żiedet fil-paġni, l-isport kellu aktar spazju fejn seta’ jesponi l-isport lokali u internazzjonali, b’attenzjoni speċjali għall-futbol li hu l-aktar sport popolari.
F’dawn il-50 sena kien hemm diversi avvenimenti sportivi importanti li ġew irrappurtati minn In-Nazzjon. Insemmi fost l-oħrajn it-18-il edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Jispikkaw l-edizzjonijiet tal-1993 u l-2003 li kienu saru f’pajjiżna b’supplimenti speċifiċi tul il-jiem tal-avveniment. L-edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja kull erba’ snin kienu jkunu l-mekka tal-ħidma sportiva, speċjalment f’perjodu fejn il-gazzetta kienet is-sors prinċipali tal-informazzjoni u ma kienx għad hawn il-media soċjali. L-istess jgħodd għall-Kampjonati Ewropej tal-futbol.
Dan l-anniversarju hu importanti u jixhed il-ħidma ta diversi nies biex il-ġurnal In-Nazzjon jista’ jiċċelebra l-50 sena tiegħu. Minbarra l-ġurnalisti li ħadmu ta’ kuljum f’dan iż-żmien kollu fl-isport, mertu wkoll għandu jmur għad-diversi kontributuri kif ukoll għall-fotografi li matul is-snin, sebbħu l-gazzetta bir-ritratti tagħhom.
L-ikbar grazzi għandha tmur għall-qarrejja li bl-appoġġ tagħhom taw is-saħħa biex il-ġurnal In-Nazzjon baqa’ jeżisti f’pajjiżna. Ir-responsabbiltà ta’ dawk involuti u l-qarrejja hi li l-gazzetta tibqa’ ħajja biex twassal il-messaġġ tagħha primarjament politiku, iżda wkoll biex permezz tal-isport tkompli tagħti kulur lil gazzetta li skont survey maħruġ minn The Sunday Times of Malta fl-aħħar jiem, il-ġurnal In-Nazzjon jibqa’ l-aktar ġurnal bil-Malti segwit.
L-ewwel paġni sportivi ta’ In-Nazzjon
Fiż-żewġ paġni tal-ewwel ħarġa ta’ In-Nazzjon, l-istorja prinċipali kienet l-Għażla li kellha ssir dakinhar għal min ikun ir-rebbieħ tal-Plejer tas-Sena tal-futbol għas-sena 1970. Fl-istess paġna jiġifieri paġna 11, storja oħra dwar il-waterpolo u t-tibdil fir-regoli. F’paġna 10, stejjer qosra u lokali dwar l-atletika, il-hockey, iċ-ċikliżmu u t-tennis, minbarra storja mix-xena internazzjonali dwar il-Logħob tal-Commonwealth tal-1974.
L-ewwel Editur tal-Isport ta’ In-Nazzjon kien il-mibki Benny Pace. Preċiżament 50 sena ilu kien kiteb ħsieb dwar dak li kellu jiggwida l-paġni tal-isport għal dan il-ġurnal. Pace saħaq dwar l-għamla tal-gazzetta li tkun attraenti, il-fatt li jiġi rreklamat l-isport kollu biex ikunu ta’ interess ġenerali u l-appell tal-koperazzjoni mill-Għaqdiet Sportivi.
“Il-Football huwa wieħed mill-isports ewlieni tagħna iżda aħna rridu n-nazzjon Malti jkun wieħed verament sportiv. Aħna ninsabu lesti sabiex nagħtu l-importanza mistħoqqa lil kull sport,” kiteb Benny Pace fl-ewwel messaġġ bit-titlu “Insellmukom!” Dawn il-ħsibijiet għadhom relevanti sal-lum fil-qasam sportiv u għalhekk hi r-responsabbiltà ta’ dawk li se jaħdmu f’dan is-settur fil-futur biex il-gazzetta In-Nazzjon tibqa’ tagħti importanza lill-isport.
//= $special ?>