Knisja Lokali Saħħa

Aġġornati d-direttivi rigward il-Quddies u ċelebrazzjonijiet liturġiċi

Il-Knisja f’Malta qed taġġorna d-direttivi rigward il-Quddies u ċelebrazzjonijiet liturġiċi oħra fil-preżenza tal-pubbliku, li permezz tagħhom numru ta’ miżuri ta’ prevenzjoni kontra l-imxija tal-covid-19 ser jibqgħu fis-seħħ u oħrajn aktar restrittivi jitnaqqsu. Fost ir-restrizzjonijiet li tnaqqsu hemm dik li l-persuni m’hemmx għalfejn jilbsu maskra jew visor.

Dawn id-direttivi jidħlu fis-seħħ mil-lum l-1 ta’ Lulju 2020, u jibqgħu fis-seħħ sakemm jinħarġu direttivi oħra mill-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi. Id-direttivi aġġornati ġew ippublikati fuq il-website tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Knisja.mt.

Il-miżuri obbligatorji li ser jinżammu jinkludu:

  1. Id-distanza soċjali ġol-knisja ħlief għall-membri tal-familja li jgħixu fl-istess dar
  2. Sanitiser fil-bieb għall-użu tal-pubbliku
  3. It-Tqarbin ser jibqa’ jsir fl-idejn u fil-post
  4. Ħasil regolari u ventilazzjoni tal-knejjes
  5. Il-fonti tal-ilma mbierek jitħallew vojta
  6. Persuni b’sintomi respiratorji jew ta’ influwenza ma jitħallewx jidħlu

Id-deċiżjoni tal-Isqfijiet tat-12 ta’ Marzu 2020, li permezz tagħha l-Insara ngħataw dispensa mill-obbligu tal-Quddies ta’ nhar ta’ Ħadd, għalissa ser tibqa’ fis-seħħ.

L-Insara kollha, b’mod speċjali il-persuni mhux vulnerabbli, huma mħeġġa jiċċelebraw b’mod partikolari jum il-Ħadd billi jattendu għall-Quddies.