Lokali

Awguri lil Lawrence Gonzi llum f’għeluq sninu

Lawrence Gonzi twieled fl-1 ta' Lulju tal-1953

L-eks Prim Ministru u l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Lawrence Gonzi llum għalaq 67 sena.

Lawrence Gonzi serva bħala Prim Ministru ta’ Malta mill-2004 u l-2013. Kien ukoll Speaker tal-Kamra tad-Deputati għal żewg leġislaturi bejn 1988 u 1996.

Lawrence Gonzi kkontesta għall-ewwel darba l-elezzjonijiet ġenerali fl-1987 fejn ma kienx ġie elett. Huwa nħatar Speaker tal-Kamra tad-Deputati fl-1988 u kif ukoll fl-1992. Gonzi kkontesta b’suċċess l-elezzjonijiet tal-1996. Bħala membru parlamentari fl-oppożizzjoni, serva bħala Shadow Minister għas-Sigurtà Soċjali. Matul iż-żmien hu serva bħala Segretarju Parlamentari għall-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, Whip tal-Partit Nazzjonalista, u Segretarju Ġenerali tal-Partit.

Fl-elezzjonijiet tal-1998 u l-2003 reġa’ ġie elett bħala membru parlamentari u serva bħala Ministru tas-Sigurtà Soċjali u wara li fl-1999 Guido de Marco laħaq President tar-Repubblika, Gonzi kkontesta b’suċċess il-kariga ta’ Viċi-Kap tal-Partit. Ftit wara huwa kien inħatar Viċi Prim Ministru ta’ Malta u Leader of the House tal-Kamra tad-Deputati.

Meta laħaq Prim Ministru, fl-2004, huwa żamm il-Ministeru tal-Finanzi f’idejh. Bħala Ministru tal-Finanzi huwa rnexxielu jġib lil Malta fil-pożizzjoni biex tikkwalifika għall-kriterji ta’ Maastricht sabiex tidħol fiż-Żona Ewro.

Sinifikanti l-fatt il-ħidma tiegħu biex Malta affaċjat il-kriżi ekonomika tal-2008, u riperkussjonijiet u l-impatt dinji li ħalliet fis-snin ta’ wara. Lawrence Gonzi kien strumentali wkoll fil-ħidma tal-Ewropej fir-Rebbiegħa Għarbija, u kif ukoll kien strumentali għal dak kollu li kien qed jiġri fil-Libja, b’Malta sservi bħala pont bejn l-Ewropa u l-Afrika ta’ Fuq.