Futbol Sport

Barcelona jkomplu jitilfu l-punti bi draw kontra Atletico Madrid

(Ritratt: EPA)

Barcelona komplew jitilfu aktar punti hekk kif din id-darba spiċċaw 2-2 kontra Atletico Madrid f’Camp Nou. Dan id-draw kien it-tielet wieħed fl-aħħar erba’ logħbiet għat-tim ta’ Quique Setien u b’hekk tilfu l-quċċata kompletament għaliex jinsabu punt taħt Real Madrid u b’logħba aktar.

Il-Katalani marru fil-vantaġġ wara 11-il minuta b’awto-gowl ta’ Diego Costa minn korner mil-lemin. Reazzjoni immedjata ta’ Atletico Madrid li ħames minuti wara ngħataw penalty għal fawl ta’ Arturo Vidal fuq Yannick Carrasco fil-kaxxa.

Costa nkariga ruħu mill-penalty li ġie salvat minn Marc-Andre ter Stegen, iżda l-penalty kellu jerġa’ jingħata minħabba li l-gowlkiper ħareġ barra mil-linja qabel ix-xutt. It-tieni penalty tah Saul Niguez li bagħat lill-gowlkiper in-naħa l-oħra tal-ballun biex ġab id-draw.

Barcelona ngħataw penalty fil-50 minuta minħabba li Nelson Semedo twaqqa’ mid-difensur Felipe fil-kaxxa. Is-solitu Lionel Messi nkariga ruħu u qabbeż il-ballun bi bravura fuq Jan Oblak, f’dak li kien is-700 gowl tiegħu fil-karriera.

Madankollu fit-62 minuta, ir-referee Alejandro Hernandez saffar it-tielet penalty tal-logħba wara li Semedo laqat lil Carrasco, b’konsegwenza li l-Belġjan waqa’ fil-kaxxa. Reġa’ mar fuq il-ballun Saul Niguez li skorja t-tieni gowl tiegħu fil-logħba, bid-differenza li ter Stegen mess il-ballun, li iżda ħabat mal-wieqfa qabel tkaxkar fix-xibka.

La Liga

Illum: Real Mallorca v Celta Vigo 5-1, Leganes v Sevilla 0-3, Barcelona v Atletico Madrid 2-2

Għada: Deportivo Alaves v Granada 7.30pm, Valencia v Athletic Bilbao 7.30pm, Real Betis v Villarreal 10.00pm, Real Valladolid v Levante 10.00pm

Il-Ħamis: Eibar v Osasuna 7.30pm, Real Sociedad v Espanyol 7.30pm, Real Madrid v Getafe         10.00pm