Lokali Unjoni Ewropea

David Casa jieħu f’idejh il-Presidenza tal-Kulleġġ tal-Kwesturi

Mil-lum, il-Membru tal-Parlament Ewropew David Casa hu ċ-Chairman il-ġdid tal-Kulleġġ tal-Kwesturi tal-Parlament Ewropew, rwol li se jkun qed jokkupa għas-sitt xhur li ġejjin, sal-aħħar tal-2020. Permezz ta’ dan ir-rwol, l-MEP Casa se jkun qed jaħdem mill-qrib mal-President tal-Parlament Ewropew David Maria Sassoli u s-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Klaus Welle biex jassigura li l-Ewropa bħala kontinent, kif ukoll il-Parlament Ewropew, jaddattaw għan-normalità l-ġdida kemm jista’ jkun malajr.

Fil-kummenti tiegħu, l-MEP Casa qal, “L-aħħar ftit xhur kienu ta’ sfida kbira hekk kif il-Parlament assigura li l-proċess demokratiku fi ħdan l-istituzzjoni ma jieqafx minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Komplejna naħdmu b’suċċess permezz ta’ dibattiti u l-approvazzjoni ta’ liġijiet ġodda li diġà qed iħallu impatt pożittiv fuq il-ħajja tan-nies, b’mod partikolari dawk li ntlaqtu minn din il-pandemija. Issa, irridu naħdmu aktar biex nassiguraw li l-kriżi ekonomika li qed jaffaċċja l-kontinent tagħna, tħalli l-inqas impatt negattiv possibbli.”

F’dawn is-sitt xhur, l-MEP Casa se jkun qed imexxi l-laqgħat tal-Kulleġġ tal-Kwesturi, kif ukoll jirrapreżenta l-Kulleġġ waqt il-laqgħat tal-Bureau fil-Parlament. Il-ħidma tiegħu se tiffoka biex tkun iffaċilitatà l-preżenza tal-Membri fi Brussell u Strasburgu, u li jkomplu l-isforzi tal-Parlament biex tkun provduta l-aqwa infrastruttura ta’ teleworking għall-impjegati. Prijorità oħra se tkun il-ħidma mal-amministrazzjoni tal-Parlament biex jinfetħu l-bibien għall-viżitaturi mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.