Sport Sport Ieħor

Dubji mill-poplu ta’ Tokjo dwar l-Olimpjadi

(Ritratt: EPA)

Minkejja li l-Olimpijadi ta’ Tokjo 2020 tmexxew għall-2021 minħabba l-pandemija tal-coronavirus, għad baqa’ dubji dwar jekk l-Olimpijadi jsirux jew le. Fi stħarriġ, li sar minn Kyodo News u l- istazzjon televiżiv Tokyo MX , li ttieħed minn 1,030 persuna irrizulta li 51.7 fil-mija jixtiequ li l-Logħob jiġu posposti mill-ġdid jew ikkanċellati, b’46.3 fil-mija jixtiequ li l-Olimpijadi jitfasslu mill-ġdid.

Minn dawk li huma kontra li jsiru s-sena d-dieħla, 24 fil-mija qalu li jaqblu mat-tieni posponiment. Din l-alternattiva ġiet rifjutata kemm il-darba mill-Kumitat Organizattiv ta’ Tokjo 2020 u mill-uffiċjali tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali. Il-kanċellazzjoni sħiħa kellha appoġġ minn 27.7 fil-mija.

Minn dawk li jixtiequ jaraw il-Logħob isiru s-sena d-dieħla, 31.1 fil-mija qalu li għandhom isiru f’forma mnaqqsa u iqsar. Din hija t-triq li qed jieħdu l-organizzaturi, bil-Kap Eżekuttiv ta’ Tokjo 2020 Toshirō Mutō jitkellem dwar “Logħob aktar semplici” u ħabbar li dan ix-xahar kienu qed jiġu kkunsidrati 200 suġġeriment dwar kif jiġu skalati l-Olimpijadi. Li jsiru Olimpijadi fuq skala sħiħa kif ippjanat kien appoġġjat minn 15.2 fil-mija.