Knisja Lokali

“Kien dedikat għal Ġesù u għall-poplu t’Alla”

Il-Provinċja Karmelitana u l-Balluta jsellmu l-memorja ta' Patri Victor Enriquez O.Carm

La darba qalbek qegħda hemm, tagħmel minn kollox biex tgħix wara Ġesù u tkun dedikat għalih u għall-poplu t’Alla. Dik kienet xi ħaġa li kienet dejjem fih. Kien jagħmel minn kollox biex jgħin lil dak li jkun, anki għad-Dar tal-Providenza kemm-il darba ħadem. Iġifieri f’qalbu kienet li jgħin b’forza lil dak li jkun.”

Kliem il-Provinċjal tal-Ordni Karmelitan f’Malta, Patri Joe Saliba meta tkellem magħna dwar Patri Victor Enriquez, Karmelitan li tilef ħajtu nhar l-Erbgħa tal-ġimgħa li għaddiet fl-età ta’ 75 sena.

Patri Victor sofra attakk ta’ qalb waqt li kien qed jaghmel l-eżerċizzju li tant kien ghal qalbu sajf u xitwa; dak li jgħum fl-ixtajta ta’ taħt il-Kunvent tal-Karmelitani.

Il-quddiesa għal ruħu nżammet l-Erbgħa filgħodu fil-Knisja Parrokkjali tal-Madonna tal-Karmnu tal-Balluta ċċelebrata mill-Pirjol tal-Kunvent, Patri Charles Mallia.

Il-ġurnata magħżula kienet propju fl-ewwel jum tax-xahar ta’ Lulju li huwa marbut intrinsikament mal-Madonna Tal-Karmnu.

Patri Victor twieled il-Belt Valletta fit-30 t’April 1945, fi tmiem it-tieni gwerra dinjija, u ġie ordnat saċerdot fil-5 ta’ Settembru 1971. Huwa serva l-ministeru kollu tiegħu prattikament fil-Kunvent u l-Parroċċa Karmelitana tal-Balluta sa mill-ewwel professjoni tiegħu lura 1964, għajr għal 4 snin meta serva fil-Kunvent tal-Bażilika tal-Karmnu fil-Belt.

Għalina kienet xokk. Hawnhekk kien ilu ħafna u ħafna snin u kien impenjat ħafna.”

Ħadem ħafna fost il-batuti u ż-żgħażagħ, partikolarment fiċ-Ċentru taż-Żgħażagħ Karmelitani fl-istess parroċċa kif ukoll serva bħala Kappillan tal-Ajruport u Viċi Kappillan tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Anki ma’ ħafna familji. Hawnhekk, huwa kien f’qalb il-parruċċani tant li normalment, Patri Victor kien iqaddes tad-9.30am kuljum u anki ta’ 12pm nhar ta’ Ħadd u għalihom, kienu jattendu bi ħġarhom.”

Il-vokazzjoni saċerdotali tiegħu anki ħaditu fid-Djar tal-Anzjani fosthom fl-isptar Zammit Clapp:

Kien attiv, xorta baqa’ attiv. Per eżempju, kien imur iqaddes regolarment Zammit Clapp u l-Isptar Capua. Kien għadu attiv f’diversi postijiet.”

Bil-preżenza qawwija tan-nies li mlew il-knisja u s-saċerdoti li attendew għall-funeral, kien evidenti kemm Patri Victor Enriquez kien maħbub …u kemm t-telfa li ġarrbet il-Provinċja Karmelitana flimkien mal-Ġiljaniżi u s-Slimiżi kienet kbira.