Coronavirus Lokali Saħħa

“Il-COVID-19 għadu qed jiċċirkola fil-komunità”

Għalkemm is-sitwazzjoni tal-COVID-19 f’Malta issa tidher li hija taħt kontroll fejn għal diversi ġranet ġew irrapurtati ftit jew ebda każijiet ġodda, huwa importanti li nżommu f’moħħna li l-pandemija ma ntemmitx u mhux se tintemm sakemm ikun hemm vaċċin disponibbli.

Is-Sovritendenza tas-saħħa pubblika mmexxija mill-Professsur Charmaine Gauci, qalet li l-COVID-19 għadu qed jiċċirkola fil-komunità, kemm lokalment kif ukoll barra mill-pajjiż. Il-possibbiltajiet ta’ trażmissjoni minn persuna għal oħra mill-esponiment huma kumulattivi –  iktar ma persuna tkun esposta fit-tul u mill-qrib, iktar iċ-ċans li l-persuna tiġi infettata. 

L-aħjar miżuri li ġew ipprovati li huma effettivi fil-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjoni tal-COVID-19 huma msejsa fuq il-prinċipji tas-saħħa pubblika tad-distanza soċjali, l-iġjene u l-ilbies tal-maskri/visors.

Għalhekk wieħed għandu jibqa’ jsegwi dawn il-miżuri:

1. Id-distanza fiżika / soċjali bejn persuna u oħra, jew gruppi ta’ persuni mhux mill-istess dar teħtieġ li tiġi rrispettata f’postijiet pubbliċi. 

2. L-ilbies tal-maskri/visors. L-evidenza turi li l-ilbies tal-maskra jew tal-visors jipproteġi lin-nies mill-infezzjoni tal-COVID-19. 

3. Il-miżuri ta’ iġjene u l-etikett respiratorja għandhom dejjem jiġu segwiti biex jiġi evitat li persuna tintlaqat jew ixxerred dan il-virus. Jibqa’ importanti l-ħasil spiss tal-idejn għal mill-inqas 20 sekonda bis-sapun u bl-ilma jew bl-alkoħol li jnaddaf (alkoħol minimu ta’ 70%). 

Bit-tneħħija ulterjuri tal-miżuri inkluż il-ftuħ għall-ivvjaġġar internazzjonali, l-osservanza ta’ dawn il-miżuri ta’ mitigazzjoni minn dawk kollha kkonċernati huma essenzjali biex ngħinu nżommu lil Malta u lill-pubbliku sigur mill-COVID-19.