Lokali Parlament

Il-gvern mhux jieħu azzjoni dwar ilmenti tal-pazjenti

Therese Comodini Cachia, PN

Id-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia qalet fil-parlament li l-gvern mhux jieħu azzjoni dwar ilmenti tal-pazjenti fuq diversi prodotti u servizzi fis-settur mediku.

Therese Comodini Cachia qalet li l-pazjenti huma l-aktar vulnerabbli, li tiġi mill-kundizzjoni medika tiegħu li tista’ issir iktar serja jekk is-servizz li qed jieħu mhux kif wieħed jistenna. Dan jgħodd ukoll għall-prodott.

Dwar il-ħruġ tal-offerti fil-qasam tas-saħħa, id-deputat Nazzjonalista qalet li dan jfettwa b’mod dirett lill-pazjent. Ir-rapport tal-Ombudsman jgħid li jirċievi ħafna ilmenti dwar it-trattament u l-aċċessibbiltà għall-mediċini li l-persuni jista’ jkollhom.

L-Ombudsman jispeċifika li tliet kwarti tal-każi investigati kienu kawżi riferiti mill-Ministeru tas-Saħħa li nofshom kienu diġà ilhom sena pendenti iżda li dwarahom il-Ministru tas-Saħħa lanqas biss għadda l-informazzjoni lill-Ombudsman. Hi qalet li l-kwistjoni dwar mediċini relatat mal-kanċer ilha pendenti tmien snin iżda s’issa ma sar xejn; l-istess fil-każ ta’ tfal neqsin mis-smiegħ li ilha pendenti ħames snin.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-Ministeru tas-Saħħa m’għandux jibqax ma jikkoperax mal-Uffiċċju tal-Ombudsman għaliex dan ifisser li qed ikaxkar saqajh mal-pazjenti. Hi sostniet li rapport tal-OECD ipoġġi lil Malta bħala mhux sodisfaċenti f’diversi setturi fl-akkwist pubbliku.

Therese Comodini Cachia tkellemet dwar il-framework agreements u semmiet it-Technoline li ngħażlet biex tissupplixxi ammont ta’ prodotti lil iktar minn sptar wieħed. Dan hu ftehim riskjuż fuq diversi aspetti għaliex dan it-tip ta’ ftehim jelimina l-kompetizzjoni interna fil-pajjiż u jħalli effett negattiv fuq in-negozji żgħar u medji. F’numru ta’ offerti l-gvern ma kienx kapaċi jiskrutinja l-governanza ta’ kif qed jitħaddmu l-kuntratti. Minkejja li l-gvern jaf li hemm il-kumpaniji li mhux jonoraw l-obbligi tagħhom, il-gvern stess iddeċieda li jiehom iktar flus.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li l-gvern falla fil-proċess ta’ evalwazzjoni li ssir qabel jingħażel min se jieħu l-kuntratti. Il-gvern falla wkoll fl-immaniġġjar tal-kuntratti u fit-trasparenza meta jinfetħu l-proposti u meta jkun ikkunsidrat dak li suppost qed jiġi mwettaq fil-kuntratt.

Therese Comodini Cachia sostniet li l-gvern ma jistħix mill-poplu u mhux lest iwassal it-trasparenza fil-proċeduri qabel tkun ippubblikata s-sejħa għall-offerti.