Ekonomija Lokali

“Il-konsegwenzi li nkunu fil-lista l-griża jistgħu jkunu devastanti daqs il-kriżi tal-COVID” – MEA

Kliem il-President tal-Malta Employers ’Association, Doris Sammut Bonnici fl-indirizz tagħha waqt il-55 laqgħa Ġenerali Annwali li ffukat fuq il- kwistjonijiet ta’ governanza tajba u ħsara fir-reputazzjoni li qed tiffaċċja Malta. 

Saħqet li Malta qatt ma kellha tasal fi stat fejn il-MONEYVAL titfa’ għajnejha fuq pajjiżna u tpoġġina f’ordni. F’dawn l-aħħar snin is-setturi tas-servizzi finanzjarji u l-igaming bnew vantaġġ kompetittiv formidabbli, iżda sfortunatament, l-immaġni ta’ Malta ġiet żvalutata hekk kif il-pajjiż ġie msawwat minn sensiela suċċessiva ta’ skandli li ġibdu l-attenzjoni tal-midja internazzjonali. “Fid-dawl ta’ dan kollu, il-konsegwenzi li nispiċċaw fil-lista l-griża minn MONEYVAL jistgħu jkunu devastanti daqs il-kriżi tal-COVID”.

Doris Sammut Bonnici żiedet tgħid li tiflaħ kemm tiflaħ l-ekonomija ta’ pajjiżna, żgur li ma tiflaħx għal kontrazzjoni fis-setturi finanzjarji u l-igaming. Dan għaliex l-industrija tat-turiżmu tispiċċa f’diffikultà u jkun hemm tnaqqis fil-produzzjoni tal-manifattura. Jekk dan ix-xenarju jsir realtà, in-negozji u n-nies jispiċċaw ibatu.

Hija rreferiet għall-proposti ppreżentati mill-MEA biex ikun indirizzat id-defiċit li issa qed niffaċċjaw. “Għamilna rakkomandazzjonijiet għal riforma parlamentari, b’inqas membri fuq bażi full-time u struttura ta’ paga li tirrifletti l-livell ta’ responsabbiltà u kontabilità mistennija f’dawn il-pożizzjonijiet. Appellajna għal separazzjoni tal-poteri bejn il-leġislattiv u l-eżekuttiv. Membri Parlamentari ma jistgħux iżommu karigi ta’ fiduċja, speċjalment meta jkun magħruf li din il-prattika qiegħda hemm biex tagħti spinta lid-dħul tal-membri tal-parlament tal-partit li jkun fil-Gvern. Għandu jkun hemm trasparenza u kontroll fl-impenn ta’ persuni ta’ fiduċja” qalet Sammut Bonnici. 

Hija temmet tgħid li “Dan mhux dwar MoneyVal, dan huwa dwarna, fejn min iħaddem għandu l-obbligu li jkun imwissi dwar x’jistgħu jkunu l-konsegwenzi jekk sempliċement nippruvaw nagħmlu garża biex ngħattu dak li qed tgħid il-MONEYVAL, aktar milli nindirizzaw il-problemi li qed ifixklu l-boxxla morali tas-soċjetà tagħna.”