Lokali

Imniedi l-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu 2020

Il-President George Vella nieda l-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu 2020, li ser isir fl-1 ta’ Awwissu fil-ġonna tal-Palazz Verdala b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation (MCCFF). Il-President u s-Sinjura Vella ser iżommu mat-tradizzjoni hekk kif ser jorganizzaw il-ballu fil-Palazz Verdala fl-ewwel Sibt ta’ Awwissu. 

Il-Markeżin Daniel de Petri Testaferrata, Chairman tal-Kumitat Organizzattiv tal-Ballu, fisser dan iż-żmien bħala wieħed li matulu rridu ningħaqdu b’tama, ferħ u kuraġġ sabiex isiru avvenimenti li jirriflettu l-karattru Malti bħalma huwa l-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu. Filwaqt li ta dettalji tal-avveniment innifsu, irringrazzja lil dawk kollha li qegħdin jgħinu, fosthom lill-isponsors kollha li b’xi mod qed jagħtu kontribut. 

Min-naħa tiegħu, il-President George Vella tenna kif il-Malta Community Chest Fund Foundation (MCCFF) toffri modi diversi ta’ għajnuna lill-persuni vulnerabbli, fosthom lill-pazjenti li jkunu qed jingħataw kura barra minn Malta u forom ta’ għajnuna soċjali oħra.

Stqarr li l-MCCFF minbarra d-donazzjonijiet, tiddependi minn numru ta’ attivitajiet li jsiru matul is-sena u għaldaqstant fisser kif il-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu ta’ din is-sena, bil-prekawzjonijiet kollha meħtieġa, kif irrakkomandati mill-Awtoritajiet tas-Saħħa, huwa avveniment kruċjali bi skop ta’ ġbir ta’ fondi għal dawk fil-bżonn.

Il-biljetti qed jinbiegħu bil-prezz ta’ €100 u jistgħu jinxtraw online minn www.augustmoonball.com, mill-Palazz tal-Belt Valletta, jew minn dak ta’ Sant’Anton.