Tħabbret il-mewt ta’ ħu l-Papa Emeritu Benedittu XVI, Georg Ratzinger. Hu kellu 96 sena.
Ratzinger kien iddaħħal l-isptar f’Regensburg, fil-Ġermanja, il-belt fejn għex ħafna żmien minn ħajtu.
Georg Ratzinger kien magħruf sew bħala l-aqwa mużiċista fil-familja u kien anki fil-kor tal-Parroċċa fejn trabbew l-aħwa.
Huwa kien sfurzat jidħol bħala suldat mal-Ġermanja Nażista fit-Tieni Gwerra Dinjija u kien inqabad mill-alleati u nżamm bħala priġunier tal-gwerra fil-limiti ta’ Napli.
Bil-mewt ta’ ħuh, Benedittu XVI tilef mhux biss lilu, iżda wkoll l-aħħar membru familjari tiegħu.
