Futbol Sport

Inter jumiljaw lil Brescia bi skor tennistiku

(Ritratt: EPA)

MILAN– Fi Stadio Giuseppe Meazza, Inter komplew jitfgħu lil Brescia f’aktar problemi meta rebħulhom 6-0. Kien ASHLEY YOUNG li wara li rċieva mingħand Sanchez b’konklużjoni mal-ewwel tefa’ lil Inter fil-vantaġġ. Inter irduppjaw mal-20 minuta logħob meta, Mateju waqqa’ lil Moses fil-kaxxa bir-referee jordna penalty biċ-Ċilen SANCHEZ minn ħdax –il metru ma’ żbaljax. Inter aċċertaw mir-rebħa minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima meta D’AMBROSIO b’daqqa ta’ ras għeleb lil Joronen għat-tielet darba.

Alexis Sanchez kompla jkun strumentali għal Inter din id-darba bi cross preċiż fuq GAGLIARDINI li b’daqqa ta’ ras għamilhom 4-0. Inter skorjaw l-ħames gowl fit-82 minuta meta l-gowlkiper ma żammx ix-xutt ta’ Lukaku u kien CHRISTIAN ERIKSEN li kkonkluda mill-viċin. CANDREVA għamilhom 6-0 b’xutt b’saħħtu fil-baxx.

BOLOGNA– Bologna u Cagliari kisbu punt kull wieħed fi Stadio Renato Dell’Ara f’konfront dirett għall-post fl-Ewropa. Minkejja li ddominaw l-ewwel taqsima, Bologna marru fil-vantaġġ fil-45 minuta permezz ta’ MUSA BARROW.

Minuta minn ftuħ it-tieni taqsima kien is-solitu GIOVANNI SIMEONE li ġab id-draw b’konklużjoni mill-viċin bil-kumplament tat-tieni taqsima tkun nieqsa minn azzjonijiet denji.