Lokali

Irtirata l-liċenzja ta’ Satabank

B’seħħ mil-bieraħ, il-Bank Ċentrali Ewropew irtira l-liċenzja ta’ Satabank. Dan sar fuq rakkomandazzjoni li saret mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA).

Fi stqarrija l-MFSA qalet li appuntat lil Ernst & Young Limited, bħala l-kumpanija kompetenti biex tibqa’ tikkontrolla l-entità f’dak li għandu x’jaqsam mal-Att dwar il-banek sakemm tiddeċiedi mod ieħor l-istess Awtorità.

Intqal ukoll li mhux se jibqgħu jiġu rritornati depożiti tal-konsumaturi għalkemm se jibqgħu jiġu proċessati l-files tal-konsumaturi li sal-aħħar ta’ Ġunju, taw l-informazzjoni kollha biex jieħdu l-fondi tagħhom lura.

Is-saga ta’ dan il-bank kienet ilha għaddejja għal kważi sentejn. F’dawn l-aħħar xhur il-klijenti ta’ Satabank kienu qed iħabbtu wiċċhom ma’ problemi finanzjarji kbar, kif ukoll sabu diffikultà biex iwaqqfu kont bankarju f’banek oħra f’pajjiżna.

Ħafna persuni ffaċċjaw falliment finanzjarju, kumpaniji tal-gaming ma setgħux jaċċessaw il-kontijiet tagħhom, filwaqt li bosta ħaddiema ma setgħux jaċċessaw il-pagi tagħhom.