Lokali

Iweġġa’ gravi wara li waqa’ fil-komun ta’ blokka appartamenti

Raġel Brażiljan ta’ 43 sena residenti l-Imsida qiegħed jingħata l-kura
fl-Isptar Mater Dei minħabba l-ġrieħi serji li ġarrab f’rasu wara li waqa’ fil-komun ta’ blokka appartamenti.

Il-każ seħħ ftit wara s-6am, meta l-Pulizija fl-Għassa tal-Imsida rċevew telefonata li kien hemm bżonn l-assistenza fi blokka ta’ appartamenti fi
Triq tal-Ħriereb, fl-Imsida. Fil-post marru l-Pulizija tad-Distrett, assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit.

Malli waslu, il-Pulizija nnutaw demm fil-parti tal-komun tal-appartament u
hemmhekk sabu lill-vittma bi ġrieħi f’rasu u f’wiċċu. Mal-ewwel issejħet ambulanza li ħadet lir-raġel barranin l-Isptar Mater Dei, fejn ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi serji.

Mill-ewwel investigazzjonijiet illi saru rriżulta li r-raġel x’aktarx waqa’ u ħabat rasu ma’ bieb ta’ wieħed mill-appartamenti.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Marseann Farrugia li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.