Coronavirus Lokali Saħħa

Każ wieħed ġdid ta’ Covid-19 – 7 jirkupraw

Pajjiżna uffiċjalment m’għadux f’Emerġenza Medika; għalkemm il-virus għadu fostna. Tant hu hekk, li fl-aħħar 24 siegħa reġa’ feġġ każ ġdid ta’ Covid-19. Dan wara erbat ijiem konsekuttivi li fihom ma kellna ebda każ.

Il-każ li rreġistra pożittiv huwa ta’ persuna li kellu s-sintomi, iżda ma jafx minn fejn laqqat dan il-virus. Sa nofsinhar tal-Erbgħa, 7 persuni fiequ minn din il-marda biex issa t-total ta’ każi attivi huwa dak ta’ 15-il persuna.

Fi 17-il ġimgħat, it-total ta’ każi pożittivi għal Covid-19 f’pajjiżna issa tela’ għal 671, filwaqt li t-total ta’ dawk li rkupraw hu ta’ 647.

Intant, apparti l-ftuħ tal-ajruport, pajjiżna mill-Erbgħa fetaħ ukoll il-portijiet tiegħu, b’riżultat li ssoktaw mill-ġdid il-vjaġġi minn u lejn Sqallija.

Fl-ewwel vjaġġ tal-katamaran li ħalla Malta fis-6.30am kien hemm 300 passiġġier abbord filwaqt li minn Sqallija bir-rotta ta’ filgħodu ġew lura 400 persuna. Matul l-imxija l-katamaran baqa’ jopera biex ġarr merkanzija essenzjali lejn Malta.