Lokali Parlament

L-offerti għal apparat mediku u għal tagħmir mediku għandhom ikunu aġġudikati b’mod trasparenti

Maria Deguara, PN

Il-PN jinsisti li l-offerti għal apparat mediku, għal tagħmir mediku dianjostiku jew mediċini, ikunu aġġudikati b’mod trasparenti, li jagħtu ċans lil kull minn irid jitfa’ l-offerta jkun kompetittiv u jkollu moħħu mistrieħ li l-proċess se jsir b’mod ġust.

Dan sostnietu d-deputat Nazzjonalita Maria Deguara fil-parlament fejn qalet li din hi l-ewwel seduta li qed issir wara li tneħħew numru ta’ miżuri mnieda mid-Diviżjoni tas-Saħħa intiżi biex nikkontrollaw il-firxa tal Covid 19 fil-Gżejjer Maltin.

Bil-koperazzjoni ta’ kulħadd irnexxielna nikontrollaw it-tixrid ta’ dan il-virus qerriedi ferm aħjar minn pajjiżi ġirien tagħna, minkejja li dawn għandhom faċilitajiet, finanzi u meżżi għad-dispożizzjoni tagħhom ferm akbar minn tagħna.

Dan is-suċċess kien primarjament dovut għal numru ta’ inizjattivi ristrettivi imma daqstant neċessarji li ġew imposti fuqna mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika però li kulħadd aċċetta għaliex kien jaf li huma neċessarji u bżonjużi għalina bħala poplu.

Hi sostniet li ta’ importanza kbira wkoll kien il-fatt li d-Diviżjoni tas-Saħħa għamlet il-preparamenti u ppjanat minn kmieni biex tilqa’ għal dak li kien mistenni jolqotna.

Bla dubju l-koperazzjoni tal-pubbliku li segwa d-direttivi mogħtija kienet essenzjali biex sal-lum nistgħu ngħidu li morna ferm aħjar mil-ġirien tagħna. Il-professjonalità ta’ dawk kollha li ħadmu u għadhom jaħdmu biex pajjizna igawdi servizz tas-saħħa tal-ogħla kwalità kienu strumentali biex xejjina l-firxa ta’ din il-marda qerrieda.

Bir-raġun jisħoqqilhom jissejħu eroj, kif ġew imsejħa mill-gvern stess, l-aktar fosthom dawk li għamlu sagrifiċċi kbar għas-spejjeż ta’ saħħithom u dawk li f’din il-ġlieda tilfu ħajjithom. L-eroj wara li tispiċċa l-gwerra jingħatalhom rikonoxximent għal dak kollu li jkunu wettqu taħt ċirkostanzi fejn poġġew ħajjithom fil-periklu biex jiġu salvati oħrajn. Għalhekk nemmen li l-proposta li għamel il-Kap tal-PN, biex jigħataw tlett tijiem extra leave, biex bħala poplu maqgħud nuru l-apprezzament tagħna bil-fatti hija proposta li l-gvern għandu mhux biss jikonsidra imma jilqa’.

Anke l-awtoritajiet eklesjastiċi taw is-sehem tagħhom billi addattaw għar-restrizzjonijiet tad-dipartiment tas-Saħħa pubblika.

Maria Deguara semmiet il-kontribut indirett imma daqstant validu ta’ din in-naħa tal-Kamra li b’għaqal u responsabiltà ikkoperat mal-gvern u uriet maturità politika billi qagħdet lura u ingħaqdet b’vuċi waħda ma’ l-awtoritajiet tas-saħħa u mal-gvern fid-direttivi li kien qed iħabbar. Bir-raġun ma waqatx fin-nassa li f’ċirkostanzi li jeżiġu għaqda bejnietna qadet lura milli iddaħħal il-politika fin-nofs.

Din ma kienietx l-ewwel u konvinta li lanqas ma ser tkun l-aħħar okkażjoni fejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni jikkoperaw id f’id fejn hemm u jidħol l-interess komuni. Mhux dejjem naqblu, mhux dejjem nimxu l-istess triq, mhux dejjem inħarsu lejn sfida bl-istess ottika, mhux dejjem naqblu fuq l-aħjar soluzzjoni imma konvinta li kemm il-gvern kif ukoll l-Oppożizzjoni għandhom għal qalbhom l-aħjar interess tal-poplu tagħna.

Għalhekk bir-raġun u b’responsabiltaà kull meta jkollna quddiemna abozz jew att li l-għan tiegħu hu li jkompli jtejjeb it-tajjeb li għandna, għandna naqblu ma dak li qed jiġi propost. Għalhekk ma nistgħux ma naqblux ma’ dan l-abbozz li qed jiggarantixxi li niżguraw titjib li minnu ser igawdu l-Maltin u l-Għawdxin.

Id-deputat Nazzjonalista sostniet li dan però ma jfissirx noqgħodu siekta milli nwasslu l-opinjoni tagħna kull meta naraw li l-affarijiet saru ħażin jew kull meta inkunu konvinti li setgħu jsiru aħjar. Il-PN jemmen li ma kienx hemm biżżejjed trasparenza wara l-għoti tal-kuntratt ta’ l-isptarijiet. Li ma aħniex konvinti hu dwar l-għażla tat-Technoline biex tissupplixxi l-appart mediku għal l-isptarijiet tagħna. Dan ma kienx fl-aħjar interess tal-poplu Malti.

Sa ftit snin ilu il-fattur li l-aktar li kien jingħata piż qabel ma jiġi aġġudikat tender tal-gvern kien primarjament il-prezz u dan ħafna drabi kien isir a skapitu ta’ konsiderazzjonijiet oħra fosthom il-kwalità, l-esperjenza u t-track rekord tal-kumpanija jew tal-individwu li jkun qed jitfa’ l-offerta.

Kif jgħid il-Malti l-irħis huwa għoli jew aħjar talli tħallas tiekol. Dan il-fatt li l-orħos prezz kien jingħata l-akbar importanza kien jagħti lok għal abbuż serju u kien jiftaħ il-bieb biex individwi jew kumpaniji jitfgħu offerta mingħajr lanqas biss ma kienu intisi fil-materja.

Oħrajn kienu jikwotaw għal offerta bi prezz irħis, kultant tant irħis meta mqabbel ma kompetituri oħra li lanqas kien biżżejjed biex jifdi l-materja prima. Meta imbagħad jirbħu l-offerta u jibdew ix-xogħol, kienu jaqilgħu kull skuża biex u ma ikompluħx jekk ma kienux jingħataw zieda fil-prezz.

Dan kollu kien iseħħ mingħajr ma kienet tinkiser il-liġi jew it-terms of reference tat-tender document. Dak iż-żmen, biex jikontrollaw dawn l-abbużi, numru ta’ dipartimenti tal-gvern bdew sistema ta’ black listing għal dawk li jirbħu l-offerta u ma jaslu qatt biex iwettqu dak li ikunu intrabu għalieh.

Oħrajn kienu jitfgħu offerta biex jekk u meta jirbħuħ jagħmlu sub kontracting lil terzi. Dan wassal biex numru kbir ta’ offerti ġenwini lanqas biss kienu jitħajru jikkompetu meta kienu jafu minn qabel minn kien ser jirbaħ it-tender qabel ma jagħlaq.

Abbuż ieħor komuni kien meta kien tinħareġ offerta fejn l-ispeċifikazzjonijiet u r-rekwiżiti kienu jkunu imfassla speċifikament għal kumpanija partikolari. Dan kollu bir-raġun wassal biex naqset il-fiduċja fil-proċess innifsu. Il-prezz fl-aħħar mil-laħħar dejjem kienu jagħmlu tajjeb għalih dawk kollha li jħallsu t-taxxa.

Kien hemm nuqqas ta’ trasparenza tant essenzjali fl-għoti ta’ offerti tal-gvern. Is-sistema eventwalment ġiet irranġata biex sa fejn hu possibbli tali abbuzi jiġu eliminati u minn jirbaħ it-tender kien vera jirbħu għax offra l-aħjar valur għal kwalità.

Donnu issa instab mod relattivament ġdid kif wieħed idur mal-lewża. Hekk jidher li ġara meta t-Technoline ingħażlet esklussivament biex tissupplixxi apparat mediku għal-isptarijiet ta’ Steward u dan saħansitra anke jekk u meta Steward ma jibqux jonoraw il-kuntratt li kienu għamlu mal-gvern. Għar minn hekk Technoline ingħataw din l-esklussività għad-dannu ta’ kumpaniji oħra li forsi setgħu joffru prodott jew apparat ta’ l-istess kwalità jew ta’ kwalità iżjed għolja u forsi bi prezz aktar vantaġġjuż.

Għalhekk mhux sew li kull darba li niġbdu l-attenzjoni għal affarijiet li jidhrilna li ma sarux kif suppost niġu akkużati li qed immorru kontra l-interess tal-Maltin. Bil-kontra għaliex meta isiru dawn l-affarijiet suspettusi huwa l-poplu Malti u Għawdxi li dejjem iried jħallas għalihom.

Ikwetati dwar l-għaqal ta’ kuntratt li jipprovdi li minn suppost kellu itina tlett sptarijiet ta’ l-għola kwalita’ baqa’ ma tagħna xejn. Bir-raġun inkwetati ukoll għaliex minkejja dan, ser nibqgħu inħallsu mit-taxxi tagħna lil minn ma tagħna xejn lura, wara l-miljuni kbar li selħilna. Inkwetati ukoll għaliex minkejja dan kollu intrabatna li ser intuh €100 miljun talli falla fuq dak li suppost wasslilna. Dan mhux il-mod trasparenti ta’ kif suppost jsiru l-affarijiet.

Għalhekk kull att, abozz jew liġi li ser jgħolli l-kwalità ta’ mediċini jew apparat kif qed jiġi propost illum ser jikseb l-approvazzjoni tal-Oppozizzjoni.

It-tama tagħna bħala Oppożizzjoni kostruttiva, hi li l-offerti għal apparat mediku, għal tagħmir mediku dianjostiku jew mediċini, qabel kollox ikunu aġġudikati b’mod trasparenti, li jagħtu ċans lil kull minn irid jitfa’ l-offerta jkun kompetittiv u jkollu moħħu mistrieħ li l-proċess se jsir b’mod ġust. Barra dan jeħtieġ li l-prodott jikkonforma mal-ispeċifikażżjonijiet mitluba mill-Awtorità tal-Mediċina biex niżguraw livelli għolja. Dan hu essenzjali biex niżguraw l-aħjar valur li jixraqlu il-poplu Malti, sostniet Maria Deguara.