Lokali Qorti Qtil Politiku

“Peter Grech għandu jitlaq issa jew jitkeċċa” – Repubblika

Fi stqarrija l-għaqda Repubblika qalet li fl-inkjesta dwar l-assassinju politiku ta’ Daphne Caruana Galizia, illum xhud intalab jikkonferma jekk ma ħax azzjoni kontra Konrad Mizzi u Keith Schembri minħabba li ndaħħallu l-Avukat Ġenerali.

Il-mistoqsija tal-bord tal-inkjesta jidher li tfisser li l-Avukat Ġenerali Peter Grech ta parir miktub lill-pulizija biex ma jieħdux azzjoni, jew jimxu bil-mod, fuq dak li kixfu l-Panama Papers. Jidher ukoll li dan il-parir ma kienx imsejjes fuq xi kunsiderazzjoni legali, iżda purament fuq il-kunsiderazzjoni
politika li kieku kellha tiġi inforzata l-liġi, titqanqal reazzjoni ta’ rabja popolari.

Fl-istqarrija ntqal li jidher li Peter Grech ma riedx li s-sostenituri tal-Partit Laburista jiddejqu li politiċi mill-partit tagħhom iġarrbu investigazzjonijiet kriminali. Bħall-ħafna rivelazzjonijiet li kixfet din l-inkjesta din l-informazzjoni ma tissorprendiniex, imma tiddiżgustana.

Biex iservi xi interess politiku li anqas biss suppost jidħol fih, Peter Grech aġixxa biex il-liġijiet Maltin ma japplikawx għal Konrad Mizzi u Keith Schembri. Din hi biċċa evidenza oħra għal kemm tgħaffġet is-saltna tad-dritt f’Malta u kemm l-istituzzjonijiet tagħna jaħdmu biss skond kif jaqbel lil Joseph Muscat. Peter Grech mhu xejn ħlief ingwanta mal-id tal-mafja li ħatfet lil pajjiżna, l-istess mafja li qatlet lil Daphne Caruana Galizia.

Għalhekk Repubblika ssaqsi:

  1. Il-pubbliku għandu jara dan il-parir li semma’ llum il-Bord tal-Inkjesta. Meta ngħata? Min talbu? X’jgħid eżatt?
  2. Ingħata parir simili lill-Maġistrati li ilhom fuq tlett snin jilgħabu bl-inkjesti fil-Panama Papers u f’reati simili? Min tahulhom? Meta?
  3. Liem aktar reati ma ġewx investigati għax Peter Grech beża li jekk ikun jafu bihom ilpartitarju Laburisti kien se jiddejqu jew jirrabbjaw?
  4. Peter Grech kellu struzzjonijiet ta’ Joseph Muscat jew ta’ xi ħadd mill-gvern biex joħnoq linvestigazzjonijiet jew ħadem biss b’inizjattiva tiegħu?
  5. Ingħata xi parir minn Peter Grech dwar kif għandu jkun l-eżitu tal-inkjesta tal-Egrant biex ilkonklużjonijiet ma jirrabbjawx lis-sostenituri ta’ Joseph Muscat?

Sadattant Repubblika ttenni dak li qalet fl-ewwel protesta li għamilet wara li qatlu lil Daphne Caruana Galizia. Dak inhar talbu li Peter Grech jirreżenja jew jitneħħa. Kien ċar dak inhar li li kieku Peter Grech għamel xogħolu skond il-liġi u mhux skond x’jaqbel lil Joseph Muscat, Keith Schembri u
Konrad Mizzi kien ikollhom jiffaċċjaw il-ġustizzja u Daphne ma kinitx tinqatel. Għalhekk Peter Grech għandu jirreżenja. Jekk ma jagħmilx hekk minnufih, għandu jitneħħa millunika istituzzjoni bil-poter li tneħħiħ: il-Parlament.

Peter Grech hu kompliċi fil-falliment tal-istituzzjonijiet, u issa nafu li mhux b’egħmilu biss imma anke bi kliemu fil-forma ta’ parir formali lill-pulizija, ħadem biex f’Malta flok isaltan id-dritt, isaltnu d-delinkwenti. Dan jgħamel lilu delinkwent magħhom.

Fi stqarrija Repubblika titkellem ukoll fuq il-pulizija li skond Ian Abdilla li xehed illum, anqas biss kellha bżonn dan il-parir biex tħalli ‘l Keith Schembri u ‘l Konrad Mizzi jiġru barra qishom m’għamlu xejn. Ian Abdilla
ħalla lill-bord tal-inkjesta żbalordit, ma jistax jifhem kif pulizija fil-livell t’Ian Abdilla ma jistħix jgħid li wara l-Panama Papers anqas biss indenja ruħu jkellem ‘l Schembri u ‘l Mizzi biex jitlobhom jispjegaw x’għamlu.

Ian Abdilla ma jistax jibqa’ bl-uniformi.

“Sakemm l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna jibqgħu maħkumin minn ilsira u kompliċi ta’ Joseph Muscat, m’aħna ser naraw ġustizzja qatt.”