Lokali Qorti

Protest minn 13-il immigrant fuq ksur ta’ drittijiet tal-bniedem

Tlettax-il immigrant mill-Eritrea residenti fil-belt kapitali Libjana, Tripli ppreżentaw protest ġudizzjarju fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fejn qed jallegaw li ġew misksura d-drittijiet fundamentali tal-bniedem fil-konfront tagħhom.

Fil-protest huma qegħdin jitolbu lill-Qorti sabiex tillikwida danni wara li f’April li għadda ma tħallewx jidħlu Malta u ntbagħtu lura l-Libja. Huma qalu wkoll li fin-nuqqas ta’ azzjoni mmedjata mistennija jieħdu passi ulterjuri.

Il-protest iffirmat mill-Avukati Paul Borg Olivier u Evelyn Borg Costanzi sar kontra l-Prim Ministru, l-Ministru tal-Intern, il-Brigadier tal-Forzi Armati u l-Avukat Ġenerali.

L-immigranti qed isostnu li kienu vittmi ta’ ‘pushback’ lejn il-Libja waqt operazzjoni ta’ salvataġġ kkordinata mill-Awtoritajiet Maltin li fiha kienet involuta dgħajsa tas-sajd li ttajjar bandiera Libjana li telqet minn Malta fuq struzzjonijiet tal-awtoritajiet Maltin.

L-immigranti qal wkoll li kienu f’kundizzjoniji serja ta’ saħħa fiżika u mentali tant li wħud minnhom, li kien magħhom fil-vjaġġ mietu fuq id-dinghy qabel is-salvataġġ.

L-immigranti qalu li kellhom ċertifikat ta’ rikonoxximent bħala persuni li bi dritt qed ifittxu l-ażil, iżda meta intbagħtu lura fil-Libja tpoġġew f’ċentru ta’ detenzjoni. Għaldaqstant kienu ġew imċaħħda mill-awtoritajiet Maltin milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jressqu talba għall-ażil.