Lokali Qorti

Raġel ieħor mixli li pprova jisraq oġġetti minn laboratorju tal-Università

Raġel ieħor tressaq il-Qorti mixli b’konnessjoni ma’ attentat ta’ serq ta’ oġġetti minn laboratrju li jinsab fl-Università ta’ Malta. John Joseph Debono ta’ 31 sena, mill-Imġarr kien mixli b’komliċità ta’ serq u li sar reċediv.

L-allegat attentat seħħ fil-25 ta’ Ġunju li għadda għall-ħabta tas-2.00pm. mill-bini ta’ fejn hemm il-laboratorju tal-kimika (Chemistry). Debono wieġeb mhux ħati u ngħata l-libertà proviżorja mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €10,000. Huwa kien ordnat li jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija darba fil-ġimgħa u li jidħol kmieni d-dar.

Debono, huwa t-tieni persuna mixlija b’konnessjoni ma’ dan l-attentat ta’ serq. Nhar il-Ħadd li għadda, Juanito Jimenez ta’ 27 sena, kien mixli bl-istess akkużi, fejn allegatament l-oġġetti li kienu se jiġu misruqa jaqbżu s-somma ta’ €2,300.

Il-Pulizija qalet li s-serqa ma seħħitx għal diversi fatturi w indipendenti mill-volontà tagħhom. Jimenez kien ġie mixli wkoll li kiser il-kundizzjonijiet ta’ sentenza mogħtija fl- 2018 u li sar reċediv.

Huwa nżamm taħt arrest preventiv. Fiż-żewġ każi l-akkużati kienu assistiti mill-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia. L-Ispetturi Joseph Mercieca u Colin Sheldon mexxew il-Prosekuzzjoni.