Lokali

Rapporti jindikaw li Abela kellem lil Rosianne Cutajar u Edward Zammit Lewis

Akkużi ta' rabtiet mill-qrib mas-sid tal-kumpanija 17 Black

Il-ġurnal Times of Malta qed jirrapporta li l-Prim Ministru Robert Abela kellem lis-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar u lill-Ministru Edward Zammit Lewis wara allegazzjonijiet serjissimi li saru minn Paul Caruana Galizia xi jiem ilu – allegazzjonijiet li sa issa qatt ma ġew miċħuda mill-Gvern u li jindikaw qrubija bejn membri tal-Kabinett u l-imprenditur Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċità fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Mat-Times, Robert Abela tkellem dwar il-possibbiltà li terġa’ titla’ quddiem il-Kabinett talba minn Yorgen Fenech għal Maħfra Presidenzjali.

“Jekk tiġi t-talba għal proklama, inkun jien li nitlob lil Zammit Lewis biex ma jkunx fil-Kabinett li jkun qed jiddeċiedi fuq din it-talba”, sostna Abela. Dan il-kumment fih innifsu jindika li jeżisti dan ix-xenarju possibbli.

Intant, meta mistoqsi mit-Times, Zammit Lewis insista li m’hemmx relazzjoni bejnu u bejn Yorgen Fenech.

Rosianne Cutajar minn naħa tagħha qalet biss li mhux se twieġeb għal dawk li sejjħet “allegazzjonijiet personali”.

L-akkużi li ħarġu l-Ħadd jindikaw li wieħed mill-Ministri ta’ Robert Abela kellu storja ma’ wieħed mill-persuni akkużati bl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Agħar minn hekk, qed ikun allegat li Segretarju Parlamentari kellha jew kellu relazzjoni intima mas-sid ta’ 17 Black Yorgen Fenech. Fost dawk li qed jagħmlu dawn l-allegazzjonijiet serji immens hemm it-tifel ta’ Daphne Caruana Galizia, Paul Caruana Galizia, li fuq Twitter qal ukoll li Ministru baqa’ f’kuntatt ma’ Fenech ankè wara l-assassinju.