Lokali Qorti

Seba’ snin ħabs wara li ġab miegħu żewġ kilos kannabis minn Sqallija

Joseph Papa Smith ta’ 42  sena mill-Ghana ġie kkundannat seba’ snin ħabs u mmultat €15,000 wara li ammetta flok għadda ġuri li pprova jdaħħal f’Malta żewġ kilogrammi droga kannabis.

Huwa kien ġie arrestat fl-ajruport fil-lejl ta’ bejn it-12 u t-13 ta’ Marzu ftit wara li niżel minn fuq ajruplan li kien telaq minn Katanja.  Waqt rutina mill-uffiċjali tad-Dwana nstabu fuqu żewġ kilogrammi ta’ droga suspettata kannabis fil-bagalja tiegħu.

Fil-bagalja kienu nstabu borża sewda b’miżien żgħir u erba’ boroż oħra li kellhom ammont ta’ sustanza tad-droga kannabis. Espert tal-Qort kien ikkonkluda li l-ammont ta’ droga kienet ta’ 2.1 kilo b’purità ta’ sitta fil-mija u li kellha l-valur fis-suq ta’ bejn €20,805.50 u  €58,255.40.

Meta nterrogat Smith kien qal li huwa kemm il-darba kien ġie Malta u kien jakkwista d-droga kannabis għal użu personali tiegħu mingħand persuna mill-Belt, Valletta, u li huwa ma kienx qal lill-Pulizija min kien. Huwa kien qal li ġab f’Malta din id-droga għall-istess persuna.

Skond Smith dan kien talbu biex iġiblu aktar droga minn Sqallija, u li bihom inqabad fl-ajruport internazzjpnali ta’ Malta. Il-Qorti qieset l-ammissjoni anke inkondizzjonata tal-akkużat li deheru għalih l-Avukati Gianella Demarco u Michael Sciriha. Il-Prosekuzzjoni kienet tmexxiet mill-Ispettur Malcolm Bondin.