Internazzjonali Lokali Xjenza u Teknoloġija

Tfal jieħdu l-kontroll ta’ Earth Speakr

Earth Speakr hu xogħol artistiku interattiv ġdid mill-artist Olafur Eliasson li jamplifika l-fehmiet tat-tfal dwar il-benesseri tal-pjaneta għall-ġejjieni.  Ix-xogħol artistiku jistieden lill-adulti u lil dawk li jieħdu deċiżjonijiet kurrenti, lil dawk li jfasslu l-bidla u lill-mexxejja globali, biex jisimgħu dak li għandhom x’jgħidu t-tfal.  

Earth Speakr juża r-realtà awmentata (augmented reality) u jinkludi app b’xejn u websajt interattiva (www.earthspeakr.art) disponibbli fl-24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.  Eliasson ħoloq dan ix-xogħol artistiku fl-okkażjoni tal-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (UE) 2020.

Earth Speakr qiegħed jitnieda llum, u jistieden tfal minn madwar il-kontinent biex flimkien joħolqu xogħol artistiku billi jitkellmu f’isem il-futur tal-pjaneta tagħna.

Bħala inizjattiva tal-artist Daniż-Iżlandiż Olafur Eliasson, Earth Speakr – li jinkludi app, websajt, preżentazzjonijiet fiżiċi, u aktar – hu l-komponent ċentrali tal-programm kulturali fl-okkażjoni tal-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill tal-UE 2020.  Ix-xogħol artistiku hu ffinanzjat mill-Uffiċċju Federali tal-Affarijiet Barranin Ġermaniż u qed jitwettaq b’kooperazzjoni mal-Goethe-Institut.  Earth Speakr hu bla ħlas u jippromwovi l-kollaborazzjoni u r-riflessjoni bejn persuni ta’ kull età madwar l-Ewropa dwar it-tibdil fil-klima u l-futur tal-pjaneta.

It-tfal jitkellmu f’isem il-pjaneta

Matul is-sitt xhur li ġejjin, kulħadd jista’ jniżżel l-app Earth Speakr u janima l-ambjent rispettiv bl-użu ta’ teknoloġija interattiva għall-gost ta’ kulħadd.  Tfal u żgħażagħ li għadhom taħt l-età biex jivvotaw jistgħu jagħżlu li jieħdu sehem billi jagħtu leħen lil kwalunkwé ħaġa – siġra, qoxra ta’ banana, is-sema, jew it-triq – u jitkellmu kemm f’isem l-ambjent lokali ta’ madwarhom u kif ukoll f’isem il-pjaneta.  Il-messaġġi kreattivi tagħhom jintbagħtu fuq www.earthspeakr.art u jkunu esperjenzati fuq l-app permezz ta’ realtà awmentata.

Earth Speakr hu xogħol artistiku kollettiv li jistieden lit-tfal biex ikunu artisti.  X’se jiġri minn Earth Speakr se jiddependi fuq l-Earth Speakrsjiġifieri mill-kreattività u mill-immaġinazzjoni tagħhom.  Ix-xogħol artistiku hu magħmul mill-ħsibijiet u mill-viżjonijiet, mit-tħassib u mit-tamiet tagħhom.  Dak li joħolqu jista’ jagħti gost u jkun inventiv fl-immaġinazzjoni, serju, jew poetiku.  M’hemmx tajjeb jew ħażin, u hu faċli biex kulħadd jieħu sehem.  Earth Speakr jistieden lit-tfal biex jitkellmu kemm minn qalbhom kif ukoll b’moħħhom ħalli jieħdu sehem fit-tiswir tal-futur għad-dinja u tal-pjaneta tagħna, mil-lum, qal Olafur Eliasson.

“It-tfal huma normalment mistennija li jkunu attenti fl-iskola u jsegwu r-regoli.  Imma issa jmiss lilna, bħala adulti, li nisimgħu x’għandhom x’jgħidu ż-żgħażagħ.  Permezz ta’ Earth Speakr, Olafur Eliasson jagħti lit-tfal opportunità unika biex, b’mod kreattiv u maħsub, joħorġu b’ideat li għandhom il-potenzjal biex fil-futur  jkunu ta’ benefiċċju għall-Ewropej kollha.  Bl-irrekordjar tal-vuċijiet tagħhom, trasmessi fil-qalba tat-tfassil tal-politka (policy-making) Ewropea, Earth Speakr jagħti liż-żgħażagħ propju dan iċ-ċans.  Jaqblilna nisimgħuhom b’attenzjoni għall-ġid tal-futur komuni tagħna lkoll,” qal Heiko Maas, Ministru Federali għall-Affarijiet Barranin tar-Repubblika Federali Ġermaniża.

Biex jinkludu kemm jista’ jkun nies, Eliasson u l-istudjo tiegħu żviluppaw xogħol artistiku, fil-biċċa l-kbira tiegħu diġitali, bl-appoġġ ta’ tim estensiv li jinkludi tfal, riċerkaturi, u speċjalisti oħrajn.  Earth Speakr hu disponibbli fl-24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jista’ jkun aċċessat minn madwar id-dinja kollha.  Aktar minn hekk, il-proġett qed jissieħeb ma’ netwerk dejjem jikber ta’ mużewijiet, libreriji u istituzzjonijiet edukattivi, bħall-Goethe-Institut, biex jaqsmu x-xogħol tal-arti kemm onlajn kif ukoll fid-dinja reali, meta u fejn hu possibbli, fi żminijiet ta’ distanzi soċjali.

L-adulti jagħtu widen lejn il-futur

Earth Speakr jamplifika l-messaġġi tat-tfal u jistieden lil adulti u lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet importanti, dawk li jfasslu  r-riformi u lill-mexxejja globali biex jisimgħuhom.  Fuq www.earthspeakr.art, l-adulti jistgħu juru li l-messaġġi tat-tfal qed jinstemgħu billi joħolqu ’l hekk imsejħa “Loud Speakrs”, kollezzjonijiet ta’ messaġġi b’realtà awmentata.  Loud Speakrs jistgħu jitpoġġew kullimkien fuq mappa virtwali – fi pjazez pubbliċi, parks, fuq bini pubbliku – biex jinkoraġġixxu oħrajn ħalli jisimgħu wkoll.  Il-messaġġi ta’ Earth Speakr huma strimjati wkoll fil-Bini Justus Lipsius u fl-Europa Building fi Brussell, fil-Parlament Ewropew fi Brussell u fi Strasburgu, u f’“Lichthof” tal-Uffiċċju Federali tal-Affarijiet Barranin f’Berlin.

“Il-ħajja fid-dinja hi koeżistenza ta’ persuni, annimali, pjanti u ekosistemi.  Irridu nirrikonoxxu din il-koeżistenza u mbagħad nieħdu l-azzjonijiet it-tajbin biex insaħħuha.  Fid-dibattiti tal-lum rigward il-politka dwar il-klima, hu kruċjali li l-ilħna tal-ġenerazzjoni li jmiss jinstemgħu b’mod ċar u b’saħħtu, peress li huma se jkunu qed jgħixu fil-futur li attwalment qed insawru.

“Ix-xogħol artistiku tiegħi, Earth Speakr, jistieden lit-tfal biex jitkellmu f’isem il-klima, kemm jekk bi tħassib jew b’tama pożittiva.  Bl-applikazzjoni ta’ Earth Speakr, jistgħu jesprimu lilhom infushom permezz ta’ kwalunkwé ħaġa tal-għażla tagħhom fl-ambjenti lokali fejn jgħixu.  Ix​xogħol artistiku jgħaqqad flimkien dawn l-ilħna u jamplifika dak li għandhom x’jgħidu.  Aħna – l-adulti, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, u l-politiċi – għandna bżonn nisimgħu l-messaġġi kreattivi tat-tfal u neħduhom bis-serjetà, qal Olafur Eliasson.

Mill-1 ta’ Lulju 2020, il-messaġġi tat-tfal se jidhru fuq il-mappa virtwali ta’ Earth Speakr, u Loud Speakrs jistgħu jintwerew fir-realtà awmentata f’postijiet prominenti madwar l-Unjoni Ewropea.  Biex issir taf aktar u biex tieħu sehem fil-ħolqien ta’ dan ix-xogħol artistiku, niżżel l-applikazzjoni Earth Speakr minn Google Play jew minn App Store, żur il-websajt fuq www.earthspeakr.art, u ngħaqad fid-diskussjoni @earthspeakr fuq il-midja soċjali.