Sport Sport Ieħor

Wara l-waqfa minħabba l-pandemija, jirritorna l-Kampjonat tas-Sajf taż-żwiemel

(Ritratt: Martin Agius)

Nhar il-Ġimgħa jingħata bidu għall-Kampjonat tas-Sajf, wara waqfa ta’ kważi erba’ xhur kawża tal-pandemija tal-coronavirus. Il-Malta Racing Club ħabbru li għat-tielet sena, dan il-Kampjonat se jkun qieħed jiġi sostenut finanzjarjament mill-grupp MRTL li huwa l-konsorzju li fil-futur qarib mistenni jieħu f’idu l-iżvilupp tal-korsa tal-Marsa.

Għal dan il-kampjonat jidher li hemm stennija kbria, dan għaliex bosta sidien taż-żwiemel inkitbu biex jipparteċipaw tant li minflok tliet programmi se jsiru erbgħa. B’kollox se jieħdu sehem 461 żiemel, b’67 minnhom ġodda li se jkun qed jieħdu sehem fi 32 tiġrija fejn dawn se jkunu allokati punti skond l-ordni tar-riżultat uffiċjali.

Il-finali ta’ dan il-kampjonat hija skedata għall-Ħadd 16 ta’ Awwissu b’kull żiemel se jkun jista’ jiġri sa massimu ta’ tliet tiġrijiet. Iż-żwiemel se jkunu maqsuma f’seba’ kategoriji differenti b’dawk iż-żwiemel li jkollhom l-akbar ammont ta’ punti f’kull kategorija se jiksbu d-dritt li jiġru fil-finali.

Ġie kkonfermat ukoll li l-pubbliku se jkun jista’ jattendi għal dawn it-tiġrijiet u għall-ewwel darba fl-istorja tat-tiġrijiet dawn se jkun aċċessibli fuq il-midja soċjali u fuq is-sit tal-Malta Racing Club. Id-dħul fil-paddock se jkun biss limitat għall-ġerreja u żewġ adulti ma’ kull żiemel, b’kull persuna li tidħol fil-paddock se tkun mitluba li tilbes makra protettiva. L-ewwe tiġrija tibda fis-7.00pm.