31 kamra tan-nar ħarqu bejniethom madwar 450 murtal fi spettaklu wieħed imqassam f’sitt żoni differenti fl-okkażjoni tal-ftuħ mill-ġdid tal-Ajruport Internazzjonali u l-portijiet wara l-pandemija tal-Coronavirus.
Matul “Visit Malta Now”, il-kmamar tan-nar raw li jesprimu l-għaqda li teżisti bejn it-tradizzjonijiet Maltin, il-wirt u l-kultura ta’ pajjiżna, kif ukoll dik li sejħu bħala r-rebħa li Malta għamlet fuq il-Covid-19.
Ħafna Maltin u turisti nġabru biex isegwu dan l-ispettaklu, li sar minn aktar minn 20 post differenti. Huma segwew ukoll ajruplan tal-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta, li ttajjar għal xi ħin fil-baxx biex jippreżenta l-libsa ġdida li ngħata għall-istess okkażjoni.
Normalment, spettaklu simili għal dan imdorrijin narawh fl-aħħar ta’ April, lejlet l-anniversarju tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Madankollu, dan l-ispettaklu partikolari din is-sena ma setax isir minħabba l-pandemija tal-Coronavirus.
L-avveniment tal-bieraħ kien organizzat mill-Awtorità u l-Ministeru tat-Turiżmu.
//= $special ?>