Futbol Sport

Correa jirritorna ma’ Gżira United

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Ricardo Correa se jkompli l-karriera tiegħu f’pajjiżna hekk kif ingħaqad ma’ Gżira United. Dan se jkun ritorn għall-Urugwajan hekk kif kienu proprju l-Maroons li ġabuh f’pajjiżna f’Novembru tal-2016. Iżda wara xahrejn, Correa ngħaqad ma’ Sliema Wanderers lejn tmiem Jannar u temm l-istaġun 2016/17 b’gowl ma’ Gżira u tnejn mas-Slimiżi. Correa li kapaċi jilgħab fuq in-naħa xellugija tad-difiża kif ukoll ta’ nofs il-grawnd, lagħab l-istaġun 2017/18 ma’ Sliema fejn skorja gowl fil-kampjonat.

Fis-sajf ta’ sentejn ilu, Correa ssieħeb lil Balzan u magħhom rebaħ l-FA Trophy is-sena l-oħra. Hu kien aktar utilizzat fil-fażi offensiva u fiż-żewġ staġuni skorja 13-il gowl fil-kompetizzjonijiet kollha. B’hekk il-kowċ Darren Abdilla se jkollu l-plejer li akkwistah ftit anqas minn erba’ snin ilu meta kien ukoll kowċ ta’ Gżira. Sa issa l-Maroons akkwistaw lil Steve Borg u Kevaughn Atkinson filwaqt li Jefferson de Assis irritorna wara l-esperjenza fl-Emirati Għarab Magħquda.

(Ritratt: Gżira United)