Coronavirus Lokali

Ebda każ ġdid ta’ Covid-19 f’pajjiżna

L-ebda każ ġdid ta’ Covid-19 f’pajjiżna – 24 siegħa wara li ġiet fi tmiemha l-Emerġenza Medika u nfetħu mill-ġdid il-portijiet u l-ajruport Malti. Dan ifisser li ssoktaw mill-ġdid il-vjaggi fost oħrajn bil-Katamaran minn u lejn Sqallija …u bdew jaslu l-ewwel persuni minn barra l-pajjiz.

Fl-ewwel gurnata minn mindu ssoktaw it-titjiriet…il-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta, wettqet ukoll l-ewwel vjaġġ tagħha lejn l-Indja; ir-raba’ l-aktar pajjiż fid-dinja fejn ġew irrapportati każijiet ta’ Coronavirus – aktar minn 600,000 …li 1,700 minnhom irrizultaw fl-aħħar 24 siegħa.

Bhalissa, it-total ta’ każi pożittivi għal Covid-19 f’pajjiżna jinsab fil-livell ta’ 671, filwaqt li t-total ta’ dawk li rkupraw hu ta’ 649, b’żieda ta’ tnejn oħra fl-aħħar 24 siegħa. B’hekk, il-każi attivi niżlu għal 13.

S’issa kien hemm 405 każ pożittiv illi kienu rġiel, filwaqt li 266 kienu nisa.

Filwaqt li l-pandemija f’pajjiżna preżentament tinsab taħt kontroll, esperti mediċi flimkien mas-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika, immexxija mill-Professur Charmaine Gauci xorta waħda qed iwissu li l-virus għadu qed jiċċirkola kemm fil-Gżejjer Maltin kif ukoll barra minn xtutna. Dan filwaqt li ingħad li l-attenzzjoni trid tibqa’ waħda massima sakemm ikun hemm vaċċin disponibbli, ankè fid-dawl li l-ajruport ser jiftaħ il-bibien beraħ għat-turisti fil-15 ta’ Lulju li ġej.

Għaldaqstant xorta waħda l-pubbliku qed jiġi rakkomandat sabiex fejn jista’ jżomm id-distanza soċjali f’postijiet pubbliċi, li jintlibsu l-maskri protettivi jew visors kif ukoll l-iġjene u l-ħasil tal-idejn għandhom jibqgħu jiġu segwiti.