Lokali Qorti

Erba’ snin ħabs u multa għal żewġ Eġizzjani immigranti fuq ħsara li wettqu Ħal-Far

Guma Mohammed u Yousef Halef Abdel Hamid ġew ikkundannati erba’  snin ħabs kull wieħed u mmultati €8,691 kull wiehed għad-danni li wettqu fiċ-ċentru ta’ detenzjoni f’Ħal Far. Il-każ seħħ fit-12 ta’ Diċembru li għadda.

Fis-sentenza li ta l-Maġistrat Joe Mifsud qal li l-ordni pubblika tapplika għal kulħadd u qal li dawn il-ftit qed jagħmlu dell ikrah fuq l-oħrajn meta l-pajjiż dejjem tratthom u laqgħhom sew.

Huwa ħeġġeġ lill-awtoritajiet biex ma jibqgħux ċassi quddiem dawn ir-reati u ordnat li wara li jiskontaw is-sentenza ta’ ħabs, jiġu deportati lejn l-Eġittu. L-immigranti, kienu qegħdin jiġu akkużati bi ħsara fuq il-propjeta tas-Istat, li ħadu sehem f’rewwixta bi ħsieb li jiksru l-liġi, li injoraw l-ordnijiet tal-Pulizija u l-ksur tal-paċi pubblika.

L-inċident, li seħħ it-12 ta’ Diċembru bejn il-11:00 a.m u s-2:00 p.m. Wieħed mill-akkużati għandu 30 sena u l-ieħor għandu 26 sena, u dawn kienu fost il 11-il persuna li ġew arrestati wara r-rewwixta.

Il-Qorti semgħet li l-akkużati qabdu tinda bin-nar apposta fiċ-centru ta’ detenzjoni mingħajr ma kienu jafu jekk kienx hemm immigranti reqdin fit-tinda. Iż-żewġ irġel kienu wieġbu li mhux ħatja.

Il-Prosekuzzjoni, immexxja minn l-Ispettur Roderick Attard, inizzjalment akkużathom ukoll illi weġġgħu pulizija b’oġġett tal-metall, iżda din l-akkuża twaqqat. Huma kienu tressqu quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, li kienet ordnat li ż-żewġ irġiel jinżammu fil-kustodja tal-Pulizija.