Lokali

Il-PN jsellem lill-ġurnalisti sportivi għall-ħidmiethom fil-qasam sportiv

Fil-jum dinji ddedikat lill-ġurnalisti tal-isport, il-Partit Nazzjonalista sellem u rringrazzja lill-ġurnalisti li b’ħidmiethom iwasslu kuljum l-aħbarijiet sportivi. Fil-familja sportiva l-ġurnalisti għandhom funzjoni importanti u huwa obbligu ta’ kulħadd li r-rispett lejhom ma’ jonqos qatt. Mingħajr il-ġurnalisti l-aħbarijiet u riżultati sportivi ma’ jistgħux jitwasslu għand dawk li jsegwu u għandhom għal qalbhom l-isport.

Dan qalu Robert Cutajar, Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ, l-Isport tul Ħajjitna, l-Volontarjat u l-Ġlieda kontra l-Obeżità fejn qal li din is-sena għall-pajjiżna tfisser ukoll il-50 sena anniverssarju mit-twaqqif tal-Ghaqda Ġurnalisti Sport. F’isem il-PN hu rrikonoxxa l-ħidma li twettqet f’dan il-qasam minn kull persuna  li kkontribwixxa fi hdan l-ghaqda biex din setghet tibqa’ attiva tul dawn is-snin kollha. Awgura wkoll aktar ħidma lil dawk kollha li b’xi mod jaħdmu f’dan il-qasam u wieħed jawgura li flimkien inkomplu naħdmu b’risq l-isport f’pajjiżna biex filwaqt li jibqa’ jkollna l-aqwa servizz ġurnalistiku sportiv f’pajjiżna, fl-istess waqt naraw li nkomplu nxettlu aktar kultura sportiva anke billi nippromwovu ‘l quddiem il-valuri uniċi li jista’ joffri biss l-isport.