Lokali Qorti

Il-Pulizija żiedu akkużi ta’ falsifikazzjoni fil-konfront ta’ Jomic Calleja mixli li mporta splussiv

Jomic Calleja Maatouk ta’ 34 sena minn Ħaż-Żebbuġ, li jinsab mixli li pprova jimporta f’Malta splussivi u velenu radjuattiv magħruf bħala C4 ġie akkużat ukoll li ffalsifika firma ta’ missieru fuq kuntratt ta’ kiri ta’ showroom f’Ħal Qormi.

L-Ispettur Omar Zammit ippreżenta lill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech bl-akkużi aġġornati hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni kontrih. Fl-aħħar seduta, il-qorti semgħet espert tal-kaligrafija li qal li l-firma li allegatament kienet dik tal-missier tal-akkużat, fil-fatt kienet ġiet falsifikata mill-akkużat.

Il-Qorti semgħet lil sid ix-showroom, Dominic Bonnici jixhed fejn qal li Jomic kien ħa l-kuntratt id-dar miegħu bil-għan li jieħdu lil missieru biex jiffirmah.

Xhud ieħor, Raymond Muscat, qal fil-qorti li Calleja Maatouk kien qalilhom li missieru kien se jiffirma d-dokument. Is-Supretendent George Cremona u l-Ispettur Omar Zammit qed imexxu l-Prosekuzzjoni. Il-każ ikompli.