Lokali Parlament

Ir-rapport dwar l-inbejjed rigali lil Muscat diskussi għada f’Kumitat Parlamentari

Il-Kumitat Parlamentari għall-Istandards għada se jkun qed jiddeċiedi jekk għandhomx jittieħdu passi fil-konfront tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Dan hekk kif ġiet konkluża l-investigazzjoni tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika dwar ir-rigal ta’ fliexken inbid, li jammontaw għal ftit anqas minn €6,000, li Muscat irċieva mingħand l-imprenditur Yorgen Fenech.

Is-sid ta’ 17 Black kien fost il-mistednin distinti għall-festin li sar fi Frar 2019 ad unur Muscat fir-residenza uffiċjali tal-Prim Ministru fil-Girgenti – 16-il xahar wara l-assassinju ta’ Caruana Galizia.

Għal din l-okkażjoni, Yorgen Fenech kien ta lil Muscat tlett ifliexken ta’ inbid Petrus, li b’kollox jammontaw għal €5,800. Dan fiż-żmien meta Fenech kien diġà magħruf bħala sid il-kumpanija kontroversjali miftuħa fil-Panama.

Fis-snin ta’ qabel, Muscat kien irċieva wkoll żewġ arloġġi li jiswew eluf ta’ ewro, fosthom wieħed Bvlgari bid-deheb abjad għall-Milied 2014, mingħand l-istess negozjant li issa jinsab akkużat b’kompliċità fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler talab lill-Kumitat Parlamentari biex isegwi r-rapport maħruġ minnu u jaġixxi skont żewġ Artikli tal-Liġi dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Dan hekk kif l-Artiklu 27 jagħti l-poteri lill-Kumitat, filwaqt li l-Artiklu 28 jitratta s-sanzjonijiet li jistgħu jkunu imposti mill-Kumitat.

Fil-fatt, il-Liġi tispjega li l-Kumitat Parlamentari għandu s-saħħa jiskrutinizza dak li jikteb il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, filwaqt li jeżamina r-rapporti li jinħarġu mill-Kummissarju. Min-naħa l-oħra, hu l-istess Kumitat li għandu jiddeċiedi jekk jimxix mal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissarju.

Iżda jekk jiddeċiedi li ma jsegwix il-konklużjonijiet tal-Kummissarju Hyzler, il-Kumitat għandu jispjega għaliex. Il-Kumitat Parlamentari hu magħmul minn żewġ membri tal-Gvern, żewġ membri tal-Oppożizzjoni u l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti.

Ħidmet il-Kummissarju Hyzler hi mfaħħra minn ħafna. Il-kariga, meqjusa bħala istituzzjoni parlamentari li qed twettaq xogħolha, saret possibbli wara proposta mressqa mill-Partit Nazzjonalista.