Ekonomija Lokali

Ir-restawr fuq Pittura u Kurċifiss fil-Parroċċa tas-Siġġiewi, proġett prestiġġjuż ieħor bl-għajnuna tal-BOV

Biċċa xogħol artistika li tmur lura għall-aħħar tas-seklu 17 maħduma għall-altar tal-Madonna tad-Duluri fil-Parroċċa tas-Siġġiewi, tinsab għaddejja minn proċess maġġuri ta’ restawr u konservazzjoni, bl-appoġġ tal-Bank of Valletta.

Is-sett li jirrapreżenta l-Kurċifissjoni ta’ Kristu, huwa magħmul minn pittura u Kurċifiss li nħadmu f’Ruma f’Awwissu tal-1700 possibilment taħt is-superviżjoni ta’ Lorenzo Gafà u li nġiebu Malta fl-4 ta’ Jannar tal-1701.

Iddiżinjata mill-istess Lorenzo Gafà, il-Parroċċa ta’ San Nikola fis-Siġġiewi, tlestiet ftit wara l-1690, bl-altar tad-Duluri jinbena bejn l-1694 u l-1696. Il-kummissjonar ta’ dan is-sett direttament minn Ruma, huwa xhieda ta’ kemm il-komunità ta’ dan ir-raħal żgħir kellha għal qalbha l-apprezzament lejn l-arti sagra u l-importanza tagħha.

Waqt li Lorenzo Gafà nnifsu kien Ruma fl-1699 sabiex isegwi mill-qrib xogħlijiet fuq it-titular tal-Knisja Konventwali ta’ San Ġwann, possibilment kien qiegħed ukoll jissorvelja l-ħidma fuq dan is-sett artisitku.

Il-pittura hija attribwita għal Michelangelo Marulli, artist Malti li dak iż-żmien kien qed jiprattika f’Ruma, waqt li l-Kurċifiss huwa xogħol l-iskultur Giovanni Battista Vanelli. Mill-informazzjoni li nġabret b’rabta ma’ dan is-sett, hemm indikazzjoni li sew Marulli kif ukoll Vanelli, ħadmu mill-qrib bil-possibiltà li Marulli nnifsu kellu wkoll sehem fit-tkomplija finali tal-Kurċifiss.

Din l-informazzjoni ġiet dokumentata u ppruvata bl-evidenza waqt ir-riċerka li saret waqt il-proġett li qed jiġi fdat f’idejn id-ditta ta’ konservaturi ta’ Agatha Grima. Hija spjegat il-fażi inizjali ta’ dan il-proċess u l-passi li jmiss fit-tkomplija u t-tlestija tar-restawr innifsu.

“Bdejna dan il-proġett billi l-ewwel ġbarna l-informazzjoni kollha permezz ta’ riċerka u anke permezz ta’ dokumentazzjoni xjentifika, analiżi, u studju b’investigazzjoni optika-fiżika.

B’hekk stajna nkunu nafu x’tip ta’ teknika intużat oriġinarjament, il-kundizzjoni fraġli u instabbli li jinsabu fihom il-pittura u l-Kurċifiss attwalment, kif ukoll identifikajna n-numru ta’ interventi li saru fil-passat fuq is-saffi oriġinali”.

B’din l-informazzjoni kollha miġbura, ir-restwraturi setgħu jifformulaw trattament speċifiku maqsum fuq tliet fażijiet. L-ewwel fażi kienet tinkludi t-tindif u t-tneħħija ta’ materjali li kienu qed jgħattu parti kbira mid-dettal tal-arti.

Fil-ġranet li ġejjin, tibda t-tieni fażi bil-konsolidazzjoni u t-tisħiħ tat-tila u l-appoġġ tal-injam. L-aħħar fażi tkun tinkludi l-integrazzjoni estetika u l-applikazzjoni ta’ saffi protettivi.

L-Eżekuttiv fit-Taqsima tal-PR u l-Marketing fil-Bank of Valletta, Charles Azzopardi, fakkar fuq l-impenn kontinwu li l-Bank dejjem juri fil-qasam tal-Arti u l-Kultura lokali.

“Wara li ġejna rikonoxxuti mill-Kunsill Malti għall-Arti b’unur prestiġġjuż għall-ħidma tagħna f’dan il-qasam, dan il-proġett ta’ restawr u konservazzjoni jerġa’ jagħmilna kburin li qed ngħaddu lil ġenerazzjonijiet futuri, wirt ieħor daqstant importanti fi stat aħjar minn dak li sibnieh aħna”. Dan il-proġett mistenni jitlesta sal-aħħar ta’ din is-sena.